Ħu Kurt Grech, li flimkien ma’ missieru għaddejin ġuri fuq il-qtil tal-”Galalli” qal li “kien fi stat ta’ paniku, u wara l-aggressjoni qabad il-karozza ta’ ħuħ u mar jaħsilha mid-demm.” Hu kien qal ukoll li wara mar jipparkja l-karozza ‘l bogħod.
Hekk xehed kuntistabbli mill-RIU quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera hekk kif il-ġuri fejn Joseph Grech ta’ 61 sena u ibnu Kurt ta’ 31 sena magħruf bħala “n-Nemes” daħal fit-tielet jum tiegħu.
Huma jinsabu akkużati li qatlu lil Brandon Pace, missier ta’ tliet itfal li kellu 21 sena.
Il-kuntistabbli tal-RIU qal li r-residenza tal-familja Grech kienet mgħammra bil-cameras fuq barra, u għalhekk skont ix-xhud il-pulizija kienu konxji li s-suspettati setgħu jarawhom minn ġewwa qabel ma ġew arrestati. Qal li Joseph Grech – il-missier – kellu riħa qawwija ta’ alkoħol.
Ħu l-akkużat kien qal lill-Pulizija li l-familja kollha kienet qed tara t-tiġrijiet taż-żwiemel il-Marsa. Kif spiċċaw, ħutu tellgħu biż-żiemel ir-razzett, meta f’xi ħin irċevew telefonata dwar l-argument li kien seħħ bejn ħuhom u Brandon Pace.
Hu kien xehed li dakinhar, hekk kif waslu lura d-dar tal-ġenituri kien ra lil ħuħ iż-żgħir miksi bid-demm u kellu ferita f’sidru. Ix-xhud qal li kien “fi stat ta’ paniku, qabad il-karozza ta’ ħuħ, mar jaħsilha mid-demm u wara ipparjaha l-bogħod mix-xena tad-delitt”.
Pace kien inqatel quddiem ommu t-tfajla tiegħu wara argument li kien hemm bejn iż-żewġ familji. Skont l-awtopsja hu kien inqatel b’ħames daqqiet ta’ sikkina, b’dik fatali tkun daqqa ta’ sikkina f’qalbu.
L-akkużati qed jiġu akkużati b’omiċidju volontarju, feriti gravi, pussess ta’ arma, li hija sikkina, pussess ta’ strument bil-ponta, li kisru l-paċi pubblika u l-buon ordni, li heddu u insulentaw lill-qraba tal-vittma.
Minn investigazzjonijiet li kienu saru fuq il-post kien irriżulta li Pace kellu argument ma’ Kurt Grech ejn dan kien mar quddiem il-blokk tal-appartament fejn kien hemm Jessica Bilocca. Hemm kien hemm xi għajjir u theddid bejn Jessica Bilocca u Lisa Pace li kienu ħarġu fil-gallerija tal-appartament. Kurt Grech kien fl-appartament fejn. Fl-appartament fejn kienet Bilocca kien hemm l-għarus tagħha – Brandon Pace l-vittma. Pace malli nduna x’kien qiegħed jiġri kien iddeċieda li jinżel isfel biex jikkonfronta lil Kurt Grech.
Grech kien niżel barra wkoll u miegħu kien hemm missieru u ommu Anna Maria. Fi ftit minuti Brandon Pace, Kurt Grech, Joseph Grech u Anna Maria Grech spiċċaw f’għoqda waħda, fejn f’ħin minnhom Brandon Pace deher jaqa’, b’Kurt Grech jaqbeż fuqu.
Irriżulta wkoll li kemm Kurt Grech kif ukoll Brandon Pace, użaw is-skieken li kellhom fuqhom bil-konsegwenza li Brandon Pace safa maqtul fuq il-post. Skont xhieda fuq il-post, fosthom omm Brandon, Lisa Pace, stqarrew mal-Pulizija, li meta Brandon Pace pprova jidħol ġewwa l-blokka raw lil Joseph Grech jagħti l-aħħar daqqa ta’ sikkina f’dahar Brandon.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali; l-akkużati qed jiddefenduhom l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima, filwaqt li l-Avukati Ishmael Psaila u Rachel Tua qed jidhru għall-familja tal-vittma.