Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Nicole Vella mir-Rabat Malta ġiet inkurunata bħala r-rebbieħa ta’ Miss Supranational Malta 2022. F’attività li saret fl-Awditorju ta’ Sant’Agata fir-Rabat kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ 38 mudell u mudella fejn fihom ukoll intgħażel Mister Supranational Malta 2022 li kien Ron Bonsfield mill-Imġarr. Dawn kienu maqsuma min-nofs bejn irġiel u nisa bis-sehem ta’ Jean Zammit u Lorraine Sultana. Dawn tal-aħħar mexxew dan il-konkors b’mod ferm professjonali bl-organizzazzjoni li ġiet imfaħħra sew minn dawk li attendew għal din is-serata memorabbli.
Kemm Nicole kif ukoll Ron se jkunu l-ambaxxaturi Maltin f’konkors internazzjonali tas-sbuħija li se jsir fil-Polonja f’Lulju li ġej. Sadanittant fil-kategorija femminili Hayley Ghiller spiċċat fit-tieni post filwaqt li Janet Desira temmet fit-tielet pożizzjoni. Min-naħa maskili, Slaven Micallef spiċċa t-tieni filwaqt li Owen Cassar ġie t-tielet.
Dan is-sit tkellem ma’ Nicole Vella, li għandha 22 sena, u li rrappreżentat il-lokalità tar-Rabat. Hi gradwata fil-psikoloġija, suġġett tant għal qalbha u li rsistiet qatigħ sabiex studjatu bl-aqwa reqqa possibbli. Skont dak li qalet ‘il quddiem għandha pjanijiet kbar li tkompli tirnexxi fil-karriera tagħha u eventwalment tiżviluppa fil-karriera tagħha.
“Irrid ngħid li l-psikoloġija togħġobni ħafna minħabba li għandi s-settur tas-saħħa ferm għal qalbi. Il-fatt li wasalt s’hawn anke fejn għandu x’jaqsam palk, se nkun qed nuża’ din il-pjattaforma sabiex inqajjem kuxjenza fuq dan is-suġġett.”
Saqsejna lil Nicole x’ifisser l-unur ta’ Miss Supranational personalment. “L-ewwel nett ninsab onorata li se nirrappreżenta lil pajjiżi f’kompetizzjoni prestiġġjuża fil-Polonja. Se nagħmel dak kollu li nista’ sabiex isem Malta jkun dejjem fil-għoli.”
Il-kompetizzjoni se tkun qed tiġi kontestata minn 80 pajjiż. Minkejja kollox, Nicole tinsab ħerqana biex tipparteċipa f’dan il-konkors daqshekk prestiġġjuż għalkemm xorta għadha ma tistax temmen li waslet s’hawn.
“Kollox għadu frisk ġo moħħi! Irnexxieli nirbaħ dan il-konkors u għadni qed inħoss dawk l-emozzjonijiet ferm sbieħ. Bilkemm nista’ nemmen li rbaħt!”
Nicole tgħid li issa se jkun hemm żmien ta’ preparamenti kbar qabel il-kompetizzjoni minn hawn u xahrejn oħra. Minkejja kollox, hi lesta sabiex tagħmel dak kollu possibbli sabiex tkun lesta għal dan l-avveniment li se jsir nhar il-15 ta’ Lulju f’amfiteatru Strzelecki Park Amphitheater f’Nowy Sącz li jinsab fin-nofsinhar tal-Polonja.
Saqsejna lil Nicole dwar id-delizzji li għandha u hi semmiet b’mod partikolari l-kant, iż-żfin partikolarment il-ballet u l-għawm speċjalment issa li ġej is-sajf.
Iżda kif jirnexxielha tamalgama x-xena tal-ispettaklu partikolarment l-immudellar mal-kant?
“Jien persuna li nħobb ħafna l-palk. B’xorti tajba kemm l-immudellar kif ukoll il-kant huma żewġ passjonijiet li nħobb ħafna. Jien persuna li nħobb nesplora u kuntenta li għandi dan it-talent. Konvinta li la mmur il-Polonja se nipprova nieħu vantaġġ minn dan l-istess talent.”
Nicole kellha ċ-ċans tipparteċipa fl-edizzjoni ta’ Miss World Malta tas-sena 2019. Bla dubju li din l-esperjenza għenitha ħafna għal dak li għaddiet minnu matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
“L-ewwel esperjenza fl-immudellar fis-sena 2019 kienet waħda tajba. Issa li ħadt sehem f’Miss Supranational din l-esperjenza għenitni ħafna sabiex dak li mort ħażin fih dakinhar, din id-darba noqgħod attenta li ma nerġax nagħmlu. Kienet esperjenza sabiħa għax tejjibt il-wirja tiegħi din id-darba.”
Nicole Vella faħħret l-organizazzjoni ta’ Jean Zammit u Lorraine Sultana fejn qalet li l-parteċipanti kollha ħassewhom komdi ħafna jaħdmu magħhom u ġew trattati bl-aqwa mod possibbli. Hi fissret l-organizazzjoni bħala waħda impekabbli u jaħdmu b’mod professjonali ma’ kulħadd.
Saqsejna lil Nicole dwar kemm hu importanti li mara mhux biss ikollha s-sbuħija minn barra iżda wkoll minn ġewwa.
“Din hi xi ħaġa ferm importanti. Hu veru li n-nies jaraw ħafna s-sbuħija ta’ barra iżda maż-żmien din tgħaddi. Is-sbuħija ta’ ġewwa ma tinbidel qatt anzi tissaħħaħ dejjem aktar.”
“Hawnhekk nixtieq inwassal mesaġġ importanti sabiex il-bnedmin juru dik l-umiltà li hu valur importanti sabiex verament ikollok sbuħija minn ġewwa.”
Saqsejniha kif tara lilha nnifisha minn hawn u għaxar snin oħra u hi qalet li tkun laħqet gradwat fil-psikoterapija f’livell tal-Masters. Eventwalment hi tittama li jkollha l-karriera f’postha u tkun fl-aqwa tagħha professjonalment.
Finalment hi xtaqet twassal messaġġ ieħor pożittiv lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom f’moħħhom li jirnexxu fil-qasam tal-palk
“Dejjem imxu wara l-ħolm tagħkom u taqtgħu qalbkom qatt. Ġaladarba tagħmlu kollox bil-qalb, se tirnexxu żgur.”