Il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, waqt li kien qed jieħu sehem f’diskussjoni fuq F Living f’liema diskussjoni kien qed jipparteċipa l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, irrefera għall-artiklu iffirmat minn ‘Il-Malti’, li kien jitratta is-sistema tas-saħħa. Hu rrefera għal dak li nkiteb u wieġeb dwaru, wara li l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia qallu li anke IT-TORĊA qed tgħid li hawn problemi fil-qasam tas-saħħa.
Adrian Delia fl-intervent tiegħu qara parti mir-rapport li kienet tgħid hekk: “is-servizz tas-saħħa b’xejn huwa dritt li f’pajjiżna ilu jeżisti għexieren ta’ snin. Huwa dritt li missirijietna ġġieldu għalih, mhux obbligu għax hemm pajjiżi li ma għandhomx fosthom l-Amerika.
Nies f’dawn il-pajjiżi jkollhom jiddejnu biex jieħdu l-kura li jkollhom bżonn u f’ċertu każijiet anki jispiċċaw iħallsu b’ħajjithom għax il-Gvernijiet tagħhom ma jqisux is-servizz tas-saħħa b’xejn bħala dritt essenzjali.
Madanakollu, ma nistgħux ngħidu li għandna l-privileġġ tas-servizz tas-saħħa b’xejn meta hemm waiting lists sħaħ għal servizzi bażiċi, inkluż anki dewmien eċċessiv f’kas ta’ emerġenza. Ma nistgħux ngħidu li għandna s-servizz tas-saħħa b’xejn meta fil-verita l-Malti jkollu jħallas biex jinqeda b’mod effiċċjenti.”
Minn naħa tiegħu, l-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela wieġeb li “dak l-artiklu qrajtu. Hu sentiment Soċjalista li nżidu l-operat fl-Isptar Mater Dei u nħallsu għall-pazjenti biex jinqdew fi sptarijiet privati. Hu sentiment Soċjalista li ninvestu €6.2 miljun f’servizzi ta’ IVF u titħallas rifużjoni tal-mediċini b’rabta ma’ dan.
Il-miljuni li infaqna għal aktar CT Scans u servizzi oħra. Il-baġit tagħna hu €1.5 biljun. Din hi spiża rekord li l-ebda gvern Nazzjonalista qatt m’għamel. Żgur li m’għandniex sistema kapitalista. Lesti naħdmu mal-privat biex il-pazjent jinqeda aħjar.”