Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Oriġinarjament, kont membru tal-iScouts, u konna nqattgħu hafna ħin camping u nimxu fil-kampanja. Dejjem konna nipprovaw ngħamlu ċertu distanzi f’inqas ħin – ma domtx ma ndunajt li jekk tiġri d-distanza, tasal qabel!
Min hemm, kont hadt sehem f’xi tlielaq żgħar, u kont mort tajjebm, u wara ftit żmien rnexxili nghaqqad ukoll il-passjoni għar-rota, fejn qattajt numru ta snin nikkompeti fit-triathlon.
U kif għażilt li tispeċjalizza fit-trail running?
Il-fatt li tkun qiegħed tiġri fin-natura, f’postijiet iktar kwieti u anke ‘l bogħod mill-karozzi u l-ħajja ta kuljum.
Minn sempliċiment ġirja, tispiċċa qisek qiegħed f’avventura żgħira, speċjalment meta tkun qiegħed tiġri u ttellaq distanzi itwal, fejn saħansitra trid tippjana l-ikel u x-xorb u affarijiet oħra li trid iġorr miegħek.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq it-tieni post li ksibt fl-aħħar tellieqa sponsorjata minn ADIDAS fil-Kategorija tal-Irġiel?
Ili nieħu sehem fi Trail Running League lokali organizzat minn Agones mill-ewwel darba li saru madwar għaxar snin ilu, u dejjem kont nkun f’pożizzjoni tajba, peró qabel kien jkun hemm ħafna nqas atleti jikkompetu. Ġieli konna biss tnax ir-ruħ ntellqu!
Grat ħafna li rnexxieli nżomm minn ta’ quddiem f’tellieqa għal qalbi daqs din, speċjalment meta tqis li dawn l-aħħar snin, kont qiegħed iktar nipprattika ġiri għal tlielaq twal milli għal tlielaq qosra bhal din.
X’suċċessi maġġuri oħra rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Għalija, is-suċċess fi tlielaq hekk ma jitkejjilx biss mil-pożizzjoni li tidħol fiha jew mil-ħin li tgħamel, iżda mill-avventura li ħadt u l-ħbiberiji li esperjenzajt matul it-triq. Għalhekk, nibqa niftakar ċertu ġirjiet li ma jkunux tlielaq, bħal per eżempju, li tiġri min Ċirkewwa sa Birżebbuġa ma grupp ħbieb,
Xi tlielaq li jibqgħu f’moħħi huma kont ġejt fir-raba’ post overall waqt l-Azores 50k, diversi Sky Races li għamilt (tlielaq fejn titla’ u tinżel muntanja!), u lokalment, li rnexxieli nlesti l-Xterra Gozo 50k f’inqas minn ħames sigħat.
Kif tqis il-livell tat-trail running f’pajjiżna fil-preżent?
Rajt l-interess fit-trail jiżdied tul is-snin, min sport alternattiv, ghal tlielaq fissi fil-kalendarju b’iktar min mitt parteċipant. Il-ħinijet f’dawn it-tlielaq dejjem jitjiebu, u tlielaq qosra t’hawn Malta ħafna drabi jiggwidaw persuna lejn tlielaq itwal barra min Malta.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Malta hi li hi, kemm bħala daqs u anke bħala ammont ta’ għoljiet li hawn. Avolja hawn min jqiss li Malta għanda ħafna għoljiet, fir-realta, m’għandix it-tul ta’ għoljiet li hemm bżonn biex tkun preparat sew għal tlielaq barra min Malta.
Pero, min-naħa l-oħra, f’Malta hu relattivament faċli biex issib fejn tiġri trail, fis-sens li kull m’ghandek isuq għoxrin minuta u issib post (kontra ta min jgħix eżempju, fi bliet barra min-Malta, fejn jridu jsuqu siegħat).
Għandna wkoll temp li ġeneralment (neħħi s-sajf!) huwa tajjeb għall-ġiri s-sena kollha.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-trail running?
Apparti li għandi f’moħħi diversi tlielaq u avventuri barra min Malta fi snin li ġejjin, jien ukoll involut fi trail running b’diversi modi oħra.
Jien running coach kif ukoll nieħu ħsieb gym u komunitá, u grat ħafna li għandi l-opportunita’ li nista naqsam dak kollu li tgħallimt biex nies oħra jkunu jistgħu jgawdu iktar l-esperjenzi taghħom f’dan l-isport!
Aparti min hekk, ha nkun ukoll qiegħed ngħin fl-organizazzjoni ta’ xi tlielaq trail lokali, biex b’hekk niggarantixxu li l-interess fl-isport jibqa jikber!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Ħudu pjaċir bil-proċess, mhux biss bit-tellieqa finali! Ħa jkollok ħafna siegħat ta’ prattikar, waħdek, xemx u xita, allura huwa importanti li tkun qed tħares l’quddiem biex tkun hemm barra, tiġri, timxi, isuq ir-rota jew tgħamel dak li tħobb!

