Monday, May 26, 2025

“Ħudu pjaċir kull sekonda ta’ ħajjitkom …” – Marcella Woods

Aqra wkoll

Marcella Woods hija kantanta u kittieba Ingliża magħrufa għas-sehem fundamentali tagħha fil-mużika dance u trance tal-aħħar għoxrin sena. B’vuċi verament ikonika u sabiħa, b’enerġija li timla l-palk u b’karriera mimlija kollaborazzjonijiet prestiġjużi, Marcella tibqa’ figura ewlenija fid-dinja tal-electronic music. Imma għal Marcella, il-mużika hi ħafna aktar minn karriera – hi passjoni li taħdem minn qalbha, kuljum.

Hi saret magħrufa fil-bidu tas-snin 2000, meta ħarġet bosta hits bħal “Liberation (Fly Like an Angel)”, “Voice of an Angel”, u l-iktar waħda simbolika – “Beautiful”. Din tal-aħħar, li waslet fl-aqwa għaxra tal-klassifiki Brittaniċi fl-1998, hija wkoll is-silta li hi stess tgħid li “tiddefinixxi” lilha – messaġġ ta’ ħelsien, enerġija u mħabba.

Din il-kantanta kienet f’pajjiżna waqt il-Malta Weekender 2025 eżattament għall-Euphoria Weekender, fejn tat il-wirja tagħha f’diskoteka lokali b’ħafna żgħażagħ li attendew għal dan l-avveniment u fejn Woods uriet it-talenti tagħha.

Hi qalet li ilha tiġi Malta għal ħafna snin u bejn wieħed u ieħor żaret din il-gżira madwar 40 darba. Mal-ewwel tkellimna magħha dwar il-kanzunetta “Beautiful.”

“‘Beautiful’ kienet diska li tatni mument kruċjali,” tgħid hi. “Hawn konna – 1998 – u l-ħajja kienet qed tinbidel b’ritmu li lanqas stajt nimmaġina.”

Il-kanzunetta “Beautiful” ma kinitx biss suċċess kommerċjali. Għal ħafna, kienet simbolu ta’ libertà emozzjonali fi żmien meta l-mużika trance kienet qed tilħaq il-quċċata tagħha. Il-vuċi ċara u passjonali ta’ Marcella kienet bħal idea ta’ enerġija li laqtet lin-nies f’qalbhom. Illum, aktar minn żewġ deċennji wara, għadha tinkiteb fuq playlists ta’ partitarji li jiftakru ż-żminijiet ta’ qabel – u li jibqgħu jsibu f’dik il-kanzunetta xi ħaġa ġdida kull darba li jisimgħuha.

Il-ħajja artistika ta’ Marcella kienet mimlija kollaborazzjonijiet qawwija, b’mod partikolari ma’ Matt Darey u ma’ ħuha Michael Woods, magħruf ukoll bħala OFFAIAH. Il-vuċi tagħha kienet element kruċjali li tat ħajja ġdida lill-mużika trance classics, li għadhom jinstemgħu b’ċerta nostaġija mis-segwaċi tagħha madwar id-dinja. Il-kanzunetti tagħha kienu jinstemgħu fuq BBC Radio 1 u setgħu jinstabu fil-sets ta’ DJs kbar bħal Judge Jules u Pete Tong.

Imma għalkemm ir-radjijiet kienu jdoqqu l-mużika tagħha, kienet il-preżenza tagħha f’kunċerti li tassew kkonvinċiet lill-pubbliku li hi għandha talent mill-aqwa. Minn Wembley Arena għal Ministry of Sound, u minn festivals sa Love Parade f’Leeds (quddiem aktar minn 250,000 persuna), Marcella dejjem tat wirjiet li ħallew impatt – kemm vokalment, kif ukoll emozzjonalment.

Minkejja l-karriera internazzjonali tagħha, Marcella għandha rabta personali u speċjali mal-gżejjer Maltin. “Mhux l-ewwel darba li ġejt Malta – tlift il-għadd,” qalet waqt din l-intervista li għamilnilha. “Naħseb ġejt aktar minn erbgħin darba. Għandi għal qalbi ħafna, u nħossha qisha t-tieni dar tiegħi. Tassew li l-gżejjer Maltin verament sbieħ.”

Fil-fatt, Malta hija għal Marcella post fejn issib mhux biss paċi imma wkoll kreattività. “Hemm xi ħaġa speċjali fil-lejl Malti partikolarment dak sajfi fejn fih ikun hemm atmosfera, nies lesti biex jiddevertu u l-enerġija kollha mixtieqa. Qisha Ibiza l-ġdida jew it-tieni Ibiza,” tgħid hi b’dik il-ħarsa t’għajnejn li tixhed kemm temmen fil-potenzjal lokali. “Qed nara ħafna moviment, ħafna ħajja, u dan jgħolli l-livell tal-festivals li hawn.”

F’Mejju 2025, Marcella kienet attrazzjoni ewlenija f’Euphoria Weekender u se tkun ukoll parti mill-artisti li se jkunu qed jieħdu sehem fl-after party tal-Cawnpore Cup tal-Polo.

Iżda dan l-avveniment li seħħ ftit tal-ġranet ilu ma kienx bħal tas-soltu: kienet l-ewwel darba li Marcella daqqet bħala DJ waħidha u mhux ma’ ħaddieħor. “Kont nervuża u eċitata fl-istess ħin – imma ridt nagħti kollox,” qalet. B’din il-bidla, Marcella laħqet fażi ġdida – artist komplet: live performer, vocalist, DJ, artista fuq il-palk.

Meta tkellmet dwar kif inbidlet il-mużika matul is-snin, Marcella spjegat: “Fl-imgħoddi kienet aktar trance u techno ‘pur’, illum il-mużika saret aktar irfinata, aktar sofistikata. Imma l-essenza tibqa’ – tagħmel lin-nies iħossuhom ħajjin.” Hi għandha l-għan li tkompli timraħ f’dan il-kamp, anki permezz ta’ pjattaformi ġodda bħat-TikTok u Instagram, fejn qed tesperimenta u tinteraġixxi ma’ ġenerazzjoni ġdida ta’ segwaċi tagħha.

“Qed indaħħal dak li naf f’dinja ġdida – qed nitgħallem, u qed nieħu gost.” Forsi għal ħafna tkun sorpriża li artist b’esperjenza bħal tagħha qed juża TikTok, imma għal Marcella dan hu mod kif tibqa’ rilevanti, kif tibqa’ ta’ ispirazzjoni.

U x’hemm ġej? “F’għaxar snin oħra nixtieq inkompli ngħaqqad lin-nies permezz tal-muħika.” Tħares il-futur b’determinazzjoni ċara: “U żgur li nibqa’ nagħmel DJing – inħobb ħafna.Ma nimmaġinanix mingħajru.”

Meta staqsejnieha x’inhu s-sigriet tas-suċċess, wieġbet b’sempliċità li tagħmel il-qalb: “Dak li nagħmel, nagħmlu b’passjoni, qisni għadni żagħżugħa. Ma nistax nagħmel xi ħaġa jekk ma nħosshiex minn ġewwa.”

Lil dawk iżgħar – tfal u żgħażagħ li jħarsu lejn id-dinja tal-mużika b’tama – Marcella tagħti messaġġ mill-qalb:

“Ħudu pjaċir kull sekonda ta’ ħajjitkom. Ma tafx fejn se twasslek esperjenza waħda – imma jekk tkun awtentiku u ferħan, tagħmel differenza.”

Illum il-ġurnata, Marcella Woods mhix biss artist magħrufa – hi ispirazzjoni ħajja. Tippreżenta repertorju vast ta’ mużika dance ikonika u timxi ’l quddiem b’viżjoni u ħsieb ċar artisti ġenwini b’qalb vera għandhom post dejjiemi fil-mużika. Hi tkompli tħeġġeġ oħrajn jagħmlu l-istess. B’reputazzjoni b’saħħitha, b’lealtà lejn l-arti, u b’għajta li tispira ħafna – Marcella hi vuċi li diffiċli tinsiha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport