Il-protesta kbira f’nofs dan ix-xahar f’Belgrad saret minn studenti mingħajr interess jew affiljazzjoni politika. Għażlu u għamlu ħamest ijiem jimxu bla waqfien minn diversi żoni madwar il-pajjiż biex finalment jidħlu f’Belgrad ħalli juru lin-nies li ma jridux iżjed it-tmexxija preżenti ta’ Alexander Vucic, il-“President li qiegħed jeqred il-pajjiż”.
F’din id-dimostrazzjoni l-enerġija f’dawn iż-żgħażagħ kienet inkredibbli. Filmati mtella’ fil-kapitali ta’ Belgrad, jingħad li għaliha marru mal-1.7 miljun persuna mentri rapporti mill-midja tradizzjonali u informazzjoni oħra, ma jaqblux fin-numri. In-numri “uffiċjali” huma wkoll ferm ‘il bogħod mill-miljun u nofs dimostranti li dawk preżenti qegħdin jisħqu li kien hemm.
Il-Ministeru tal-Intern Serbjan ħareġ stima li dawn kienu 107,000 persuna mentri, l-Arkivju dwar Protesti Pubbliċi qal li l-istima tiegħu hija ta’ bejn 275,000 u 300,000 dimostranti.