Thursday, December 26, 2024

“Huwa ċar li l-akkużat ma jridx jitgħallem mill-iżbalji tiegħu”

Il-Qorti meta kkundannat raġel 18-il xahar ħabs fuq serq

Aqra wkoll

Hamza Kamel El Bakoush ta’ 32 sena mwieled il-Libja iżda residenti l-Qrendi kien ikkundannat 18-il xahar ħabs effettivi wara li nstab ħati li seraq diversi oġġetti minn supermarket f’Għawdex.

Qabel ingħata s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech saħqet li l-akkużat ma jridx jitgħallem mill-iżbalji tiegħu u li din ma kinitx l-ewwel darba li huwa xellef difrejgħ mal-ġustizzja. 

Il-Qorti nnotat ukoll kif l-akkużat ipprova juża l-passat tiegħu u d-diffikultajiet u t-trawmi li esperjenza biex b’xi mod inaqqas l-effetti tal-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu.

Filwaqt li qalet li tifhem li huwa kellu passat mhxux daqstant faċli minħabba s-sitwazzjoni f’pajjiżu, dan bl-ebda mod ma kien jintitolah li huwa jagħtiha għall-ħajja tal-kriminalità u jiġi jaqa’ u jqum mil-liġijiet u r-rispett lejn nies oħra. 

“Dan ma jistax jitqies li kien l-ewwel żball tal-akkużat. Huwa ċar li l-akkużat qabad it-triq tal-kriminalità u sa issa ma jidhirx li jrid joħroġ minn din it-triq li qabad,” tenna l-Maġistrat Grech. 

Sadanittant, minbarra l-akkużi ta’ serq, El Bakoush kien mixli wkoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu.

Fil-Qorti nstema’ kif nhar it-8 ta’ Marzu 2024 u s-6 ta’ Ġunju 2024 kienu saru żewġ serqiet mill-istabbiliment Greens Supermarket li jinsab fil-kumpless “The Duke” fi Triq ir-Repubblika r-Rabat. Fl-ewwel okkażjoni kienu nsterqu tliet fliexken fwieħa għall-valur ta’ €230.

Imbagħad fit-tieni okkażjoni kienu nsterqu prodotti tal-ikel u l-alkoħol li kellhom valur ta’ €78.70ċ. Mill-fatti esebiti fil-Qorti jirriżulta li fiż-żewġ okkażjonijiet l-oġġetti inkwistjoni ntefgħu fil-basktijiet. 

Fil-filmati, ir-raġel involut jidher għaddej mill-entratura minn fejn jidħlu n-nies u mhux minn fejn hemm il-cash points. Dan jikkonferma li r-raġel kien konxju li l-oġġetti ma kinux tiegħu u ma setax jieħu l-istess mingħajr ma jħallas għalihom. 

Kien għalhekk li ntqal li ħeba l-affarijiet ġol-basktijiet bl-intiża ċara li huwa jirnexxielu joħroġ mill-ħanut mingħajr ma jħallas tal-istess oġġetti. L-akkużat kien identifikat bħala l-persuna li wettaq dawn is-serqiet, anke wara li ġie identifikat mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-istabbiliment li kienu waqqfuh f’okkażjoni minnhom. Minn aktar analiżi tal-filmati, l-akkużat jidher jiċċekkja madwaru sabiex jara li ma jkun ġej ħadd qabel jitfa’ l-affarijiet fil-basktijiet.

Wara li semgħet il-provi, bl-akkużat jinstab ħati tal-akkużi, il-Qorti qalet li fiċ-ċirkostanzi ma kinitx sejra tmur għall-minimu tal-piena li hija tista’ timponi fiċ-ċirkostanzi. Dan filwaqt li sostniet li kienet se titratta mal-akkużat bħala reċediv. 

Il-Qorti iżda qalet li se tagħtih l-opportunità sabiex waqt li jkun qiegħed jiskonta s-sentenza huwa jimbarka fuq pjan sabiex jegħleb il-vizzju tax-xorb u d-droga li huwa jgħid li għandu. 

Kien għalhekk li filwaqt li kkundannatu 18-il xahar ħabs effettivi, poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ sentejn. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-ammont komplessiv ta’ €2,500 mill-garanzija personali stabbilita fil-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest fi tliet digrieti separati. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri. 

Ekonomija

1 kumment

  1. Xi nija raguni li nies bhal dawn li jiksru ligi ghall kemm il darba ma jibghatux lura f pajjizhom.Min ma jgibx rispett lill pajjizna u l Maltin mhux postu Malta.

Comments are closed.

Sport