Wednesday, December 25, 2024

“Huwa d-dmir ta’ kull gvern li jipproteġi lil dawk kollha vulnerabbli”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis ipparteċipa fil-Kunsill Informali tal-Ministri tal-Ġustizzja fis-Slovenja.

Matul din il-laqgħa, il-Ministri ddiskutew id-drittijiet diġitali fi żmien ta’ avvanz tat-teknoloġija, il-protezzjoni tat-tfal fis-sistema tal-ġustizzja, u l-avvanz tal-intelliġenza artifiċjali.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis tkellem dwar is-sistemi tal-ġustizzja u l-minuri fejn spjega l-iżvilupp li għamlet Malta fil-Qrati permezz ta’ Children’s House, miżura li tgħin u tipproteġi lill-minuri hekk kif jistgħu jagħtu statements ’il bogħod mill-bini tal-Qorti u mingħajr il-ħtieġa ta’ konfront mal-agressur.

Il-Ministru Zammit Lewis sostna li huwa d-dmir ta’ kull gvern li jipproteġi lil dawk kollha li huma vulnerabbli, “huwa għalhekk għandna l-obbligu li noħolqu miżuri biex nipproteġu lit-tfal.”

Madwar il-mejda, il-ministri ddiskutew ukoll l-intelliġenza artifiċjali u l-ħidma li qed twettaq l-Unjoni Ewropea f’dik li hija regolamentazzjoni ta’ dan is-settur. Il-Ministru Edward Zammit Lewis tkellem dwar il-ħtieġa li l-UE tagħmel dan hekk kif hemm bżonn qafas li jagħti ċertezza legali u li jissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem.

Il-Ministru qal li “huwa importanti li nibdew ix-xogħol sabiex nirregolaw l-intelliġenza artifiċjali, iżda huwa importanti li jkollna regoli uniformi f’kull Stat Membru, għaliex huwa biss b’dan il-mod li naċċertaw rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem”.

Fil-marġini ta’ din il-laqgħa, il-Ministru Zammit Lewis attenda għal laqgħa virtwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (l-IMF) li matula spjega l-iżvillupi bla preċedent li għamlet Malta b’riformi kostituzzjonali u istituzzjonali li jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-ġustizzja f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport