Saturday, November 16, 2024

“Huwa essenzjali li ħaddiem ikun imsieħeb fi trejdunjin”

Aqra wkoll

Minn CLAUDIO COLEIRO

YouTube video

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja qal li ċ-ċirkostanzi li jinsab fihom il-pajjiż minħabba l-imxija tal-Covid-19 jikkonferma kemm huwa essenzjali li ħaddiem ikun imsieħeb fi trejdunjin għax fiha jsib ħajt ta’ kenn fi żmien diffiċli li jkun għaddej minnu. 

Huwa qal dan f’kumment li ta lil L-ORIZZONT wara li flimkien mal-President tal-GWU Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri poġġew bukketti tal-fjuri f’riġlejn il-monument tal-Ħaddiem fl-Imsida b’tifkira ta’ Jum il-Ħaddiem.

Bugeja beda biex qal li din is-sena kienet okkażjoni differenti mis-snin ta’ qabel minħabba r-restrizzjonijiet li hawn, bid-differenza li s-sinjifikat tagħha huwa akbar minħabba li llum il-ħaddiem għandu futur inċert.

“Futur li qed iħares lejna bħala GWU u qed jiddefinixxi l-ħidma tagħna biex nissalvagwardjaw dak li rebaħ matul iż-żminijiet u nissalvagwardjawlu l-iktar ħaġa importanti – l-impjieg – li jagħti dinjità lilu u l-għajxien lilu u l-familja tiegħu,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU. “Huma ċirkostanzi straordinarji minn nemmen li bil-ħidma ta’ kulħadd nistgħu nsalvaw l-impjiegi. Insalvaw l-impjiegi billi nagħtu ħajja u għajxien diċenti lil kulħadd.”

Bugeja żied jiddeskrivi s-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħala “surreali” minħabba l-fatt li l-għadu li qed niġġieldu kontrih ma jidhirx imma fl-istess ħin qal li trid tħoss il-ħeġġa li hawn tal-ħaddiema magħqudin u b’vuċi waħda biex jimxu ‘l quddiem u flimkien noħorġu minn din il-kriżi. 

“Huma ċirkostanzi differenti imma l-ġlidiet tal-ħaddiem huma dejjem l-istess – li jtejjeb il-kundizzjonijiet tiegħu, jżomm l-għajxien tiegħu, jimxi ‘l quddiem u jkollu ħajja diċenti.”

Huwa enfasizza li: “Nemmen li bħal snin oħra, flimkien, kapaċi negħlbu kull ostaklu, kapaċi nimxu ‘l quddiem u nagħtu dinjità lil kull ħaddiem Malti, Għawdxi u barrani jixraqlu. Dan il-pajjiż kiber bis-saħħa u bl-għaraq ta’ ġbin il-ħaddiema. Nemmen li anke f’din l-okkażjoni ħaddiema Malti u Għawdxin u anke barranin huma li nimxu lkoll flimkien ‘il quddiem u nerġgħu niġu għal sitwazzjoni fejn inħarsu ‘l quddiem biex nikbru.” 

Bugeja sostna li jekk nimxu mal-pariri tal-awtoritajiet u nimxu ‘l quddiemm anke fuq il-postijiet tax-xogħol, naslu f’dak il-mument fejn noħorġu mi din il-pandemija u nerġgħu naqbdu l-ħidma ekonomika biex il-pajjiż jerġa’ jibda jesperjenza t-tkabbir ekonomiku li kellna u li finalment isarraf f’kundizzjonijiet u pagi aħjar lill-ħaddiema li tirrappreżenta l-union. 

Kien hawn li qal li wara li jgħaddi dan kollu, il-GWU se tkompli għaddejja bil-ġlieda tagħha fuq il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol u li kull ħaddiem ikun membru ġewwa trejdunjin. 

Huwa stqarr li fiċ-ċirkostanzi preżenti ħarġu d-differenzi fil-mod ta’ kif ġew trattati ħaddiema li kienu msieħba fi trejdunjin u oħrajn li mhumiex. “Rajt id-differenza. Illum konvint, aktar minn qatt qabel, fuq il-ħtieġa li kull ħaddiem ikun membru ġewwa unjin.”

“Mhux biss biex jipproteġi lilu nnifsu imma wkoll bħala sens ta’ konsultazzjoni u informazzjoni biex ikun jaf x’qiegħed jiġri fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem u x’inhu l-futur tiegħu u kif jista’ jtejjeb il-ħidma, l-effiċjenza, il-produttività u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu.” 

“Għalhekk illum nifraħ u nirringrazzja lill-ħaddiema kollha. Nagħti awguri lill-ħaddiema kollha li huma front-liners li jaħdmu direttament mal-pazjenti, u dawk li qed jagħtu servizz biex il-ħajja tagħna tibqa’ għaddejja. Ta’ dan nirringrazzjawhom.

“Dak hu l-messaġġ li bħala Segretarju Ġenerali rrid inmexxi – li nobdu l-istruzzjonijiet u f’dak li jgħidulna nemmnu fihom. Ta’ dan jiena nirringrazzjahom u nuri fiduċja lejn l-awtoritajiet u lejhom kollha,” temm jgħid Bugeja. 

Ekonomija

Sport