Friday, December 27, 2024

“Huwa l-għan tagħna li nkunu katalisti fis-settur finanzjarju”

- Kenneth Farrugia – Kap Eżekuttiv Bank of Valletta

Aqra wkoll

F’intervista ma’ dan is-sit, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, fl-ewwel xhur tiegħu f’din il-kariga, jitkellem dwar l-ekonomija diġitali, il-kunċett ta’ green energy imħaddan mill-Bank, u l-irwol soċjali tal-BOV fost oħrajn.

Il-gwerra tal-Ukrajna qanqlet żieda kbira fil-prezzijiet tal-enerġija madwar l-Ewropa, u ġiegħlet għadd ta’ gvernijiet jirrikorru għal miżuri biex jippruvaw jevitaw riperkussjonijiet devastanti fuq il-pubbliku u n-negozji.

U filwaqt li l-prezzijiet huma mtaffija, id-djar u n-negozji għandhom jinvestu f’enerġija ekoloġika u teknoloġija aktar nadifa biex jippreparaw ruħhom għal politiki futuri u regolamenti tal-UE li inevitabbilment se jippenalizzaw lil min iniġġes aktar minn qatt qabel, u se jagħmlu proprjetajiet ineffiċjenti fl-enerġija prattikament impossibbli li jinbiegħu.

“Konna xxurtjati li kellna ekonomija li kienet kapaċi tiflaħ id-daqqa tal-pandemija. X’aktarx li se tkun b’saħħitha biżżejjed biex tiflaħ it-tieni daqqa li qed nesperjenzaw issa wkoll – il-gwerra tal-Ukrajna – iżda l-eventwali tielet daqqa x’aktarx li twassalna fejn qegħdin ħafna pajjiżi oħra fil-preżent,” qal Farrugia.

“Għalhekk, minkejja li issa nistgħu niffaċċjaw dan il-maltemp, jekk il-prezzijiet internazzjonali jistabbilizzaw, pajjiżna għandu jibda jirrifletti dwar kif se nilqgħu għaż-żieda fl-ispejjeż fl-operat. Nistgħu nnaqqsu xokk temporanju bħal dan, iżda mhux wieħed permanenti.”

Hekk kif id-dinja qed tħejji ruħha għal riċessjoni li tidher imminenti, Farrugia jemmen li Malta tista’ tevitaha, jew għall-inqas tesperjenza impatt aktar marġinali.

“Il-biċċa l-kbira tal-ekonomiji tal-gżejjer jiddependu minn settur ekonomiku wieħed jew tnejn, iżda b’differenza minnhom, is-saħħa tal-ekonomija ta’ Malta tinsab fl-użu ta’ diversi industriji,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia.

“Aħna niġġeneraw flus mhux biss mit-turiżmu, iżda minn firxa ta’ industriji oħra bħall-avjazzjoni, is-settur tal-gaming u s-servizzi finanzjarji. Huwa għalhekk li l-ekonomija tagħna wriet reżiljenza starordinarja,” qal Farrugia, li nħatar Kap Eżekuttiv tal-BOV f’Ottubru li għadda.

Huwa jmexxi l-akbar bank ta’ Malta, li jipprovdi servizzi lil 365,000 klijent, li 20,000 minnhom huma negozji, fi 30 fergħa u għadd sostanzjali ta’ ATMs, u firxa ta’ servizzi online u u permezz tal-mowbajl.

X’kellu xi jgħid Farrugia fuq id-diġitalizzazzjoni tal-Bank?
Bħall-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-Bank of Valletta matul dawn l-aħħar snin gradwalment qed jiddiġitalizza l-biċċa l-kbira tas-servizzi tiegħu. Fl-istess waqt ninsabu konxji li għad hawn bosta individwi, b’mod partikolari dawk li għandhom ċerta età, li mhumiex daqstant familjari mal-użu tat-teknoloġija , u għaldaqstant, lil dawn, filwaqt li nagħtuhom l-informazzjoni meħtieġa biex isiru familjari mat-teknoloġija, irridu nibqgħu noffrulhom l-aqwa servizz fil-fergħat tagħna.

Farrugia huwa determinat li jimxu aktar ‘il quddiem fl-era diġitali għaliex il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija ferm aktar improbabbli li żżur il-fergħat tal-Bank fiżikament. Iżda wiegħed li jżomm biżżejjed fergħat miftuħa sakemm ikun hemm nies fil-popolazzjoni li għandhom bżonnhom.

“S’issa għalaqna biss żewġ fergħat, u dan għaliex kienu viċin ħafna ta’ fergħat oħra. Nibqgħu l-Bank bl-akbar ammont ta’ fergħat fil-pajjiż” qal Farrugia.

“M’aħniex fit-tfittxija biex nagħlqu l-fergħat. Aħna sempliċiment qed nosservaw dak li jridu l-klijenti tagħna u naġġustaw is-servizzi tagħna skont dan.”
Huwa qal li ħafna klijenti u negozji ġodda qed jibdew jippreferu servizzi diġitali minħabba li huma aktar effiċjenti u favur l-ambjent. Iżda l-Bank huwa konxju wkoll li l-anzjani jiffurmaw kwart tal-popolazzjoni u għaldastant fassal ħinijiet apposta li matulhom dawn l-individwi jistgħu jinqdew b’aktar kumditá fil-fergħat tal-BOV.

Sal-pandemija, Malta kienet emittenti ta’ ċekkijiet rekord, qal Farrugia.
“Konna nipproċessaw aktar minn 350,000 ċekk kull xahar. Għal xi żmien, kienet l-ogħla rata fl-Ewropa per capita. Kienu bosta dawk f’pajjiżna li kienu jagħmlu użu miċ-ċekkijiet biex iħallsu għal oġġetti u servizzi jew biex joħorġu salarji, u dan kien estremament ineffiċjenti. Xi negozji joħorġu 20,000 jew 30,000 ċekk fis-sena”, qal.

“Il-pandemija ġegħlitna nimplimentaw ħlasijiet ġodda fuq iċ-ċekkijiet u minn dak iż-żmien in-numru tagħhom niżel għal 114,000 kull xahar. Dak huwa tragward enormi għaliex qed niffrankaw il-karta, il-ħin biex nipproċessaw, u l-proċess kollu huwa ferm aktar effiċjenti għan-negozji.”

Dan ifisser li l-flus kontanti eventwalment se jmutu?
Farrugia qal li n-nies qed jużaw dejjem aktar pagamenti mingħajr flus kontanti u d-dinja tabilħaqq miexja f’dik id-direzzjoni, għalkemm impossibbli li wieħed ibassar it-tneħħija gradwali tal-flus kontanti.

Il-Bank of Valletta rreġistra żieda fil-profitti qabel it-taxxi għal €80.7 miljun fl-2021 minn €15.2 miljun fl-2020. Għalkemm ir-riżultati fll-2022 raw xi tnaqqis, il-futur jidher stabbli. Il-Bank of Valletta kif jippożizzjona ruħu fir-rigward ta’ banek oħra f’Malta, u liema tragwardi ewlenin għaddiet il-kumpanija li jirriflettu s-suċċess riċenti tagħha?

Fix-xhur li għaddew, ħabbarna r-riżultati tad-disa’ xhur tagħna għall-2022, fejn irnexxielna nirreġistraw tkabbir fid-dħul li qabeż it-tkabbir fl-ispejjeż operattivi tagħna tal-Bank. Dan huwa riflessjoni tal-prinċipji fundamentali tan-negozju sodi tal-BOV immexxi mill-pożizzjoni tagħna fis-suq, fejn inkopru 50 fil-mija tas-suq li jservi 365,000 klijent minn popolazzjoni ta’ ftit aktar minn nofs miljun.

Ovvjament, id-dinamika madwar il-kompetizzjoni qed tinbidel malajr, u qed naraw għadd ta’ kumpaniji tat-teknoloġija li qed jidħlu fis-suq bi proposti ffukati ħafna fl-oqsma bankarji ewlenin tradizzjonali bħan-negozju tal-pagamenti.

Il-Bank jeħtieġ li jkun aġli biżżejjed biex jilħaq l-aspettattivi eżiġenti tal-klijenti tiegħu. Fil-fatt, qed inkomplu ninvestu fil-pjattaformi diġitali tagħna u nottimizzaw in-network tal-fergħat biex nipprovdu taħlita ta’ servizz lill-klijenti tagħna, u niżguraw li nissodisfaw ir-rekwiżiti tas-servizzi bankarji u finanzjarji tagħhom hekk kif jimxu ‘l quddiem fl-istadji differenti taċ-ċiklu ta’ ħajjithom.

Iż-żieda fl-investiment ekoloġiku dan l-aħħar żdiedet b’mod sinjifikanti. Il-Bank ippożizzjona ruħu billi żied il-mixja tiegħu ‘l bogħod minn industriji b’riskji klimatiċi u ambjentali għoljin. Tlabna lil Kenneth Farrugia x’impatt kellha l-ispinta għas-sostenibbiltà fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji, u kif affettwat l-investimenti tal-banek?
Nemmen li s-settur bankarju f’Malta jinsab fl-istadju li jħaddan il-prinċipji ESG fi ħdan is-settur. Ovvjament, diġà mxejna triq twila, u llum, l-ESG qed jiġi integrat gradwalment fil-mudell tan-negozju u operattiv tagħna. Hemm numru ta’ inizjattivi li l-Bank mexxa ‘l quddiem u se jkun qed imexxi ‘l quddiem biex jimmaniġġja l-carbon footprint tiegħu, bil-għan li gradwalment jiddekarbonizza n-negozju tiegħu.

Il-miri tad-dekarbonizzazzjoni huma evidenti għal kulħadd. Il-banek qed jistinkaw, mhux biss biex jinkorporaw dan fl-operat tagħhom, iżda bħala gwardjani ta’ eluf ta’ klijenti, biex verament jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’firxa ta’ prodotti li huma konformi mal-prinċipji tal-ESG. Hija l-fehma tiegħi li l-vjaġġ ESG se jara wkoll numru kbir ta’ klijenti tagħna, kemm jekk huma fis-settur tal-ospitalità, tal-kostruzzjoni, marittimu jew tal-avjazzjoni, iżidu l-investimenti tagħhom f’soluzzjonijiet ġodda li huma effiċjenti fl-enerġija.

U x’kellu xi jgħid Farrugia rigward l-ekonomija diġitali?
Mill-perspettiva tal-Bank, id-diġitali huwa faċilitatur importanti ħafna għalina. Investejna bil-kbir fil-pjattaformi fundamentali teknoloġiċi tagħna peress li għadna kif bdilna s-sistema bankarja ewlenija tagħna fl-2020. Bħalissa qed inmexxu ‘l quddiem is-sostituzzjoni tal-kanali diġitali tagħna, kemm l-internet kif ukoll il-mobile banking.

Madankollu, id-diġitalizzazzjoni titraxxendi l-kanali. Huwa kollu dwar l-esperjenza diġitali li inti tagħti lill-klijenti, kemm jekk permezz tal-firxa ta’ funzjonalità fuq kanali diġitali kif ukoll l-esperjenza diġitali li tista’ titwassal ugwalment fil-fergħat tagħna. Id-diġitalizzazzjoni tal-mudell operattiv hija wkoll spinta strateġika oħra, peress li din tippermettilna noperaw in-negozju tagħna b’mod aktar effiċjenti u, fil-proċess, intejbu l-livell tas-servizz lill-klijenti tagħna.

Għalhekk, filwaqt li huwa minnu li l-fintech qed jidħlu fuq oqsma bankarji tradizzjonali, hemm opportunità qawwija għal dawn il-kumpaniji tat-teknoloġija biex jużaw is-soluzzjonijiet tagħhom fuq bażi B2B, permezz tal-banek bħala l-imsieħba tagħhom.

Il-Bank huwa involut ħafna fil-komunità Maltija, minn li jgħin lin-nies jaffordjaw id-djar għal inizjattivi ekoloġiċi u jappoġġja l-kultura u l-arti. X’inizjattivi ħa l-Bank dan l-aħħar biex itejjeb il-komunità Maltija?
Kif għedt qabel, fejn tidħol l-ESG, matul is-snin daħħalna numru ta’ prodotti biex niffaċilitaw il-finanzjament ta’ proġetti effiċjenti fl-enerġija applikabbli kemm għal djar residenzjali kif ukoll għal żviluppi kummerċjali. Il-banek għandhom rwol importanti biex jiżviluppaw prodotti li jimmiraw li jiffinanzjaw retrofitting, aperturi, installazzjoni ta’ pannelli solari, solar water heaters, u proġetti oħra effiċjenti fl-enerġija ta’ dan ix-xorta.

Il-banek għandhom rwol katalitiku importanti x’jaqdu f’dan il-vjaġġ ESG. Bħala l-akbar bank ta’ Malta, aħna għandna r-responsabbiltà li nikkatalizzaw u nibdlu l-imġiba. Biex nagħmlu dan, għandna nipprovdu lill-klijenti tagħna firxa ta’ prodotti ta’ finanzjament u investiment sostenibbli.

Irridu niżguraw li anke l-mudell operattiv tagħna, meta tħares lejn, pereżempju, affarijiet sempliċi bħall-flotta ta’ karozzi użati mill-Bank (fejn bħalissa qed immorru għall-użu ta’ karozzi elettriċi), inkunu konformi mar-rekwiżiti tal-ESG. Meta tħares lejn ir-ristrutturar, fil-fergħat tal-Bank niżguraw li nużaw materjal riċiklabbli u dawl effiċjenti fost affarijiet oħra. Dawn huma kollha prinċipji ESG li l-bank tagħna llum mhux biss qed iħaddan iżda qed jinkorpora fin-negozju u l-operat tiegħu.

L-ekonomija Ewropea ntlaqtet ħafna fl-aħħar ftit snin bil-pandemija, segwita mill-kunflitt fl-Ukrajna. Filwaqt li bosta fatturi operattivi ġew imfixkla, dan huwa wkoll żmien ta’ opportunità għall-investituri biex jimlew il-lakuni. Il-kriżijiet riċenti kif affettwaw il-klima ta’ investiment ta’ Malta?

Intrinsikament, il-gwerra Russa-Ukrajna kellha impatt globali f’termini ta’ tfixkil fil-katina tal-provvista globali. Ovvjament, direttament jew indirettament, kienet il-kawża tal-pressjonijiet inflazzjonarji li ħafna pajjiżi qed jesperjenzaw illum, Malta mhux anqas minnhom. Aħna qed naraw l-impatt tal-inflazzjoni fuq il-prezz ta’ oġġetti u prodotti bħala riżultat ta’ dan.

Bla dubju l-inflazzjoni hija fuq l-aġenda tal-banek ċentrali globali fejn il-politika monetarja qed tintuża biex trażżan l-impatt tal-inflazzjoni.

B’ħarsa ‘l quddiem, ir-rata bażi bankarja tagħna tista’ tiġi affettwata mid-daqs u l-pass ġenerali tad-deċiżjonijiet tal-BĊE dwar ir-rati tal-imgħax ‘il quddiem, speċjalment jekk ir-rati tal-imgħax jibqgħu jiżdiedu fuq terminu medju sa twil. Il-BOV se jkompli jimmonitorja bir-reqqa s-sitwazzjoni, kif ukoll l-azzjonijiet tal-banek ewlenin l-oħra f’Malta, bil-għan li jintlaħaq bilanċ tajjeb fost il-partijiet interessati tiegħu, kemm id-depożitarji kif ukoll dawk li jissellfu, meta jistabbilixxi l-istruttura tar-rati tal-imgħax tiegħu. Is-sitwazzjoni ta’ likwidità b’saħħitha se tgħin biex tiżgura li kwalunkwe bidla futura tkun immaniġġjata tajjeb, b’mod gradwali u, fil-biċċa l-kbira, mingħajr sorpriżi.

Mill-perspettiva ta’ Malta, jekk tħares lejn il-bażi ekonomika tagħna, il-qgħad qed jolqot livelli baxxi ġodda, u t-tkabbir tal-PGD huwa rispettabbli. Fil-fatt, Malta bħalissa hija waħda mill-ekonomiji bl-aħjar prestazzjoni fl-Ewropa. Meta l-investituri qed jikkunsidraw ġurisdizzjoni minn fejn jibbażaw l-operat tagħhom, huma jħarsu lejn l-istabbiltà politika u ekonomika, il-kwalità tal-forza tax-xogħol fil-ġurisdizzjoni. Malta timmarka numru sostanzjali minn dawn il-kaxxi llum.

Ekonomija

Sport