Wara li s-summit ta’ l-OSCE intemm b’suċċess u bi ftehim fuq il-karigi importanti – xi ħaġa li wasslet biex issa l-istess organizazzjoni tista’ tħares ‘lquddiem biex tkompli bil-ħidma tagħha. Dan wara li sena ilu kienet f’sitwazzjoni staġnata. Minkejja l-ftehim fuq il-karigi importanti, basa’ ma intlaħaqx ftehim dwar il-baġit.
IT-TORĊA staqsiet lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin dwar dan. Staqstejna kif f’dan is-summit tal-OSCE kien hemm l-istennija għall-budget ta’ l-istess organizazzjoni, liema budget kien ilu ma jiġu approvat sa mis-sena 2021. Irrimarkajna kif ilfatt fis-sena 2022 u fis-sena 2023 dan ma ġiex approvat minħabba li kien imblukkat mir-Russja.
Ovvjament fin-nuqqas ta’ l-approvazzjoni tal-budget, liema budget baqa’ l-istess għall-aħħar għaxar snin jiġifieri $150 miljun, jfisser li l-funzjoni tal-OSCE se tkun limitata. Tlabna lill-Ministru jikkummenta dwar dan u jekk jarax li fin-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-baġit, l-effettività tax-xogħol ta’ din l-organizazzjoni se tkun preġudikat b’mod negattiv?
Kelliem għall-Ministeru qalilna li “hu minnu li n-nuqqas ta’ qbil fuq il-baġit qed joħloq sfidi serji għall-operat tal-Organizzazjoni. Madankollu, l-OSCE tibqa’ waħda mill-ftit pjattaformi multilaterali b’esperti u riżorsi imprezzabbli li jistgħu joffru gwida lill-Istati parteċipanti fuq it-tliet dimensjonijiet tagħha. Għalhekk, minkejja l-limitazzjonijiet, l-organizzazzjoni għadha taqdi rwol importanti u tibqa’ relevanti fir-reġjun. Huessenzjali li l-57 Stat Parteċipanti jilħqu qbil fuq il-baġit biex jiġi żgurat li l-OSCE tkompli twassal ir-riżultati meħtieġa għan-nies li sservi.”
Ebda awtorità li tibda Proġetti ġodda
IT-TORĊA staqsiet ukoll kif l-istess organizazzjoni tinsab f’sitwazzjoni fejn m’għandha l-ebda awtorità li tibda proġetti ġodda jew inizjattivi ġodda minħabba li dawn mhux approvati mir-Russja. Staqsejna x’tip ta’ inizjattivi ittieħdu biex din tintgħeleb u għaliex ma ħallewx il-frott mixtieq.
Għal din il-mistoqsija il-kelliem tal-Ministeru qalilna li “l-isfidi li tiffaċċja l-OSCE f’termini ta’ proġetti u inizzjattivi ġodda huma l-aktar marbuta man-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-baġit, sitwazzjoni li tiddgħajjef aktar minħabba tensjonijiet ġeopolitiċi bħall-aggressjoni tar-Russja fl-Ukranja.
Minkejja dan, tajjeb li wieħed jinnota li l-OSCE għadha attiva f’diversi inizzjattivi permezz ta’ proġetti Extra-Budgetary li huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Parteċipanti u li ma jirrikjedux deċiżjoni b’kunsens. Wieħed mill-eżempji prominenti huwa s-Support Programme for Ukraine, li permezz tiegħu pajjiżi, inkluż Malta, qed jagħtu kontribuzzjonijiet volontarji biex jiġu implimentati diversi proġetti f’diversi oqsma fl-Ukrajna.”
Kompla jgħid li “barra minn hekk, il-missjonijiet tal-OSCE f’pajjiżi fil-Balkani, fl-Ewropa tal-Lvant, u fl-Asja Ċentrali għadhom għaddejjin b’inizjattivi varji. Dawn jinkludu programmi relatati mar-rwol tan-nisa fis-sigurtà u l-paċi, governanza u s-saltna tad-dritt, ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fost oħrajn. Minkejja l-isfidi, dawn il-proġetti juru kif l-OSCE tibqa’ sservi bħala għodda indispensabbli fil-promozzjoni tas-sigurtà u l-kooperazzjoni fir-reġjun.”
Il-kisbiet tal-Presidenza tal-OSCE
IT-TORĊA staqsiet ukoll dwar kif id-delegazzjoni Maltija ħadmet ħafna biex il-ħidma fl-OSCE terga’ tibda timxi. Staqsejna x’inhuma l-punti pożittivi li ħalliet il-ħidma Maltija fl-aħħar sena f’din l-organizazzjoni u liema kienu l-kwistjonijiet li ridtu li jissolvew iżda baqgħu mhux solvuti.
Il-kelliem tal-Ministeru qalilna li “waħda mill-ikbar kisbiet tal-Presidenza Maltija kienet il-qbil b’kunsens fuq l-erbgħa pożizzjonijiet għolja tal-OSCE – is-Segretarju Ġenerali, id-Direttur tal-ODIHR, il-Kummissarju Għoli għal-Minoranzi Nazzjonali, u r-Rappreżentant għal-Libertà tal-Midja. Din kienet kisba kruċjali li żgurat it-tmexxija amministrattiva tal-Organizzazzjoni għat-tliet snin li ġejjin. Barra minn hekk, għal-ewwel darba wara sentejn, ġew organizzati żewġ avvenimenti mandatorji li jeħtieġu kunsens biex isiru – pass importanti lejn il-ħidma normali tal-OSCE.Minkejja dan, għad hemm żewġ deċiżjonijiet ewlenin pendenti li għadhom jeħtieġu qbil – l-approvazzjoni tal-Baġit u d-deċiżjonijiet dwar il-Presidenzi ta’ 2026 u 2027. Għalkemm fuq il-Presidenzi qegħdin noqorbu lejn soluzzjoni, dawn id-deċiżjonijiet jirrikjedu kunsens unanimu mill-57 Stat Parteċipant. Malta tibqa’ determinata li tkompli taħdem sa l-aħħar biex jintlaħaq kunsens fuq dawn il-kwistjonijiet kruċjali.”