Minn Cristian Muscat
Fil-jiem li għaddew, San Ġiljan Aquatic Sports Club ħabbru l-firma ta’ Marko Vavic, l-attakkant u difensur ta’ fama internazzjonali fil-waterpolo, li se jingħaqad mal-klabb qabel l-isfidi li jmiss.
Vavic, ta’ 26 sena, ilu jikkontribwixxi għall-waterpolo globalment u ġab miegħu esperjenza ta’ kampjonat, ħiliet offensivi qawwija u versatilità difensiva li se tgħin lil San Ġiljan ASC fuq livell kompetittiv għoli.
Vavic hu Amerikan minn Los Angeles, li għandu tul ta’ metru u tmienja u disgħin ċentimetru u hu magħruf għall-prestazzjoni tiegħu ma’ USC Trojans, fejn kien magħżul għal diversi drabi All-American best player u kellu rwol ċentrali fil-kompetizzjonijiet tal-NCAA.
Fuq il-palk internazzjonali, huwa rebaħ diversi midalja importanti, inkluż il-midalja tad-deheb fil-Pan American Games 2019, Lima, Peru; il-midalja tal-fidda fil-FINA World League Super Final 2021, f’Ateni, il-Greċja u l-midalja tal-bronz fil-World Aquatics World Cup 2023, fil-belt ta’ Los Angeles, USA; u anke bronż – ieħor fil-Logħob Olimpiku tas-sena 2024, f’Parigi fi Franza.
Vavic ukoll kellu esperjenza professionali fil-klabbs Ewropej, fejn lagħab mal-aqwa timijiet fis-Serbja, Spanja u l-Italja. Filwaqt li se jkun qed jilgħab fil-kampjonati Malti għall-ewwel darba, hu jħoss li San Ġiljan se jagħtuh l-ambjent ideali biex jespandi l-karriera tiegħu u jilgħab kompetizzjoni ta’ livell għoli.
Fil-bidu tal-intervista li ta lil dan il-ġurnal, Vavic qal: “Huwa privileġġ għalija li nkun hawn f’Malta u li nista’ nilgħab ma’ San Ġiljan ASC. Għandi ħafna eċitament biex niltaqa’ mal-plejers l-oħra, u naf li l-klabb ilu jospita plejers kbar bħal Ivo Ivović u Guillerme Molina fil-passat.
Għalija huwa privileġġ li nkun parti minn din l-istorja u nħoss li nista’ nikkontribwixxi ħafna.Lest għalhekk li nkompli nikteb l-istorja ta’ dan il-klabb glorjuż.”
Marko spjega kif esperjenza tiegħu mat-tim nazzjonali tal-Istati Uniti u f’kompetizzjonijiet internazzjonali kienu essenzjali biex isir plejer komplet: “Li nilgħab mal-aqwa plejers tad-dinja u nirbaħ diversi midalji kienet esperjenza kbira. Tgħallimt kemm hu importanti li tkun taf tuża’ t-teknika u t-tattika f’dan l-isport speċjalment fis-sistema tal-waterpolo li dejjem qed issir dinamika. Li tkun għawwiem b’saħħtek u tekniku huwa essenzjali biex tkun plejer tajjeb u kompetittiv.”

