Thursday, September 4, 2025

‘Huwa ta’ unur kbir għalija illi tlajt fuq il-podiju fost atleti ta’ esperjenza kbira … ħassejt emozzjonijiet sbieħ ħafna meta għollejt il-bandiera Maltija’ – James Camilleri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Triathlon, fosthom l-Ironman?

L-isport tat-Triathlon sirt naf bih permezz ta’ Fabio Spiteri. Kont insegwih fuq il-media soċjali u dejjem nara l-kompetizzjonijiet li kien jagħmel. Minn hemm bdejt nifhem dejjem iktar x’jikkonsisti l-isport u nibdet il-ħajra li nibda’ nipprattikah.


Il-kompetizzjoni tal-Ironman hija waħda magħrufa sew fid-dinja tat-triathlon u fl-2023 għamilt l-ewwel Half Ironman ġewwa l-Iżvezja li tikkonsisti 1.9km għawm, 90km rota u 21.1km ġiri.

Fl-2024 għamilt l-ewwel Full Ironman ġewwa l-Awstrija li tikkonsisti 3.8km għawm, 180km rota u 42.2km ġiri.

Din is-sena  (2025) għamilt Full Ironman oħra ġewwa Spanja 6 ġimgħat ilu bħala preparament għad-Double Ironman li għadni kif temmejt b’suċċess fit-3 post minn 28 parteċipant ġewwa l-Awstrija. Id-double Ironman tikkonsisti 7.6km għawm, 360km rota u 84.4km ġiri.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess inkredibbli li għadek kemm ksibt barra minn xtutna?

Huwa ta’ unur kbir għalija illi tlajt fuq il-podiju fost atleti ta’ esperjenza kbira. Ħassejt emozzjonijiet sbieħ ħafna meta għollejt il-bandiera Maltija!

It-temp kien kiefer fuq l-atleti kollha; kellna 11-il siegħa ta’ xita kontinwa fejn waqgħet kesħa kbira, żlieq illi jġiegħlek issuq ir-rota iktar bilmod. Mentalment kulħadd ikun ħa daqqa, pero’ hemm huwa l-mument illi bdejt niftakar fis-sagrifiċċji kollha li għamilt biex nagħmel it-taħriġ tiegħi wara x-xogħol, jew qomt kmieni filgħodu u kemm il-darba tlift okkażżjonijiet mal-familja jew ħbieb minħabba t-taħriġ.

Dan kollu ma kienx ikun possibli mingħajr is-sapport tal-familja, l-għarusa, u t-tim li kelli miegħi waqt it-tellieqa.

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Għadni pjuttost ġdid ikolli ngħid fl-isport tat-triathlon. Għamilt l-ewwel kompetizzjoni tiegħi lura fl-2023. Ovvjament huwa sport li huwa għal qalbi ħafna u nieħdu b’serjeta kbira.

Dan kien l-aħjar riżultat li rnexxieli nakkwista sal-lum il-ġurnata u jimlini b’iktar kuraġġ biex inkompli nipprattika dan l-isport li tant inħobb u nipprova nakkwista iktar.

Kif tqis il-livell tat-triathlon f’pajjiżna fil-preżent?

Iktar ma’ jgħaddi żmien iktar qed nara li l-Maltin qed jirnexxielna nġibu riżultati iktar pożittivi. Illum il-ġurnata għandna kowċis ta’ esperjenza kbira bħal Fabio Spiteri illi huma kapaċi jiggwidaw lill-atleti tagħhom b’mod iktar professjonali.

Bħala atleta, iktar ma’ tara l-livell jogħla iktar iġġiegħlek tipprova taħdem iktar biex tibqa’ kompettitiv. Taħdem qisha katina b’mod pożittiv.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Meta tieħu l-għawm u l-ġiri, jiena nħoss illi hawn Malta għandna ħafna postijiet fejn nistgħu nipprattikaw l-isport. It-temp tajjeb li jkollna jaħdem favurina wkoll għax jagħtina l-aċċess li nkunu nistgħu nagħmlu t-taħriġ tagħna matul is-sena kollha.

Ir-rota hija d-dixxiplina li hija l-iktar ta’ sfida f’Malta. L-ammont ta’ karozzi u ġenn fit-toroq Maltin jagħmlu t-taħriġ tar-rota iktar iebes. Minħabba f’hekk ikollna nitilgħu Sqallija pjuttost regolari biex inkunu nistgħu nsuqu r-rota b’moħħna iktar mistrieħ ukoll

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-Triathlon?

Riżultat bħal dan jagħtini iktar kuraġġ illi nkompli u narani nkompli nikkompeti f’kompetizzjonijiet ikbar ta’ distanzi itwal ukoll. Bħalissa qiegħed nistenna biex joħroġ il-kalendarju tal-kompetizzjonijiet illi se jsiru s-sena d-dieħla biex inkun nista’ nippjana it-tlielaq illi jmiss.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-Triathlon.

L-isport huwa ta’ benifiċċju għal kulħadd. Jiena nagħmel kuraġġ lil kull min ikun imħajjar jibda jipprattika t-Triathlon biex ma joqgħodux lura.

Agħmlu kuraġġ u agħmlu l-ewwel pass għax niggarantilkom illi ssibu t-tieni familja tagħkom f’dan l-isport!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport