Gian Carlo, ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-unur personali prestiġjuż li rbaħt fil-ġimgħat li għaddew tal-Best Maltese Futsal Player 2024-25?
Huwa unur kbir li ksibt il-Premju tal-Aqwa Plejer Malti tal-Futsal f’Malta għall-istaġun 2024-2025. Meta ġejt lura mill-esperjenza tiegħi fid-Danimarka, wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħi kien li naħdem biex nirbaħ dan il-premju u llum ninsab kuntent immens u sodisfatt li rnexxieli niksbu.
Inħossni tassew onorat u umli li ġejt ivvutat minn plejers u kowċis ta’ klabbs oħra, hija konferma sabiħa li l-ħidma u s-sagrifiċċji tiegħi qed jiġu apprezzati, mhux biss mit-tim tiegħi imma wkoll minn dawk li narawhom bħala kompetizzjoni. Dan il-premju jirrifletti l-impenn personali tiegħi u l-kontribut pożittiv li rnexxieli nagħti lill-klabb Ta’ Xbiex Futsal.
Din hija motivazzjoni kbira biex inkompli nikber, nagħti l-aħjar tiegħi u nkompli nimxi l- quddiem kemm fuq livell sportiv kif ukoll fuq livell ta’ mentalità u professjonalità.
Tikkunsidra li terġa’ tmur tilgħab barra minn xtutna fil-futur?
Iva, ser inkompli l-esperjenza tiegħi barra minn Malta – din id-darba fil-Ġermanja, fejn ser ningħaqad ma’ HOT 05 li jilagħbu fil-Bundesliga, l-oghla divizjoni fil-Germanja. Din se tkun l-ewwel darba tiegħi nilgħab fil-Ġermanja, wara li diġà kellli esperjenzi sbieħ fil-Polonja, Franza u d-Danimarka.
Għażilt il-Ġermanja għax HOT 05 huwa tim professjonali ħafna, b’ambjent serju u b’viżjoni ċara. Nemmen li dan l-ambjent se jgħinni nikber mhux biss bħala plejer, imma wkoll bħala persuna. L-għan tiegħi hu li nagħti l-aħjar tiegħi biex ngħin lill-klabb jilħaq l-objettiv ewlieni tiegħu – li jirbaħ il-kampjonat – u fl-istess ħin, noħloq tifkiriet ġodda bħalma għamilt fid-Danimarka meta rbaħna l-kampjonat sentejn ilu.
Inħossni kburi li ser inkompli nirrappreżenta lil Malta fuq livell internazzjonali. Kull pass li nagħmel barra minn xtutna inħarsu bħala opportunità biex inkompli nsaħħaħ ir-rispett lejn il-plejers Maltin u nuri li anke aħna kapaċi nagħmlu differenza f’livell għoli ta’ futsal.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek matul din is-sena mat-tim nazzjonali Malti tal-futsal?
Din is-sena kellna esperjenza storika mat-tim nazzjonali, hekk kif għall-ewwel darba lgħabna fil-main round tal-kwalifikazzjonijiet għall-Euro. Wasalna s’hemm wara li s-sena l-oħra ksibna riżultat kbir meta spiċċajna l-ewwel fil-grupp tagħna fl-Iżvizzera u din id-darba kellna l-opportunità nilagħbu kontra opponenti verament b’saħħithom: l-Italja, il-Belarussja u l-Finlandja.
Il-grupp kien wieħed diffiċli ħafna, tant li l-Belarussja, li ma kinux il-favoriti, spiċċaw rebħu l-grupp. Dan juri kemm il-livell kien għoli u bilanċjat. Kien diffiċli ħafna nilagħbu kontra dawn it-timijiet, iżda fl-istess waqt kienet esperjenza mill-aqwa u ta’ tagħlim għalina kollha bħala grupp.
Tgħallimna ħafna minn dawn il-logħbiet, kemm fuq livell tekniku kif ukoll mentali u nemmen bis-sħiħ li l-esperjenza li ksibna se tgħinna nkunu aktar preparati u kompetittivi għall-edizzjonijiet li ġejjin. Għandna tim b’qalb, b’impenn u b’ġuħ għal titjib, u jiena ċert li l-futur tagħna bħala nazzjonal huwa wieħed sabiħ!