Minn Cristian Muscat
Leah, ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif tħossok li għal darb’oħra rbaħt l-unur prestiġjuż tal-Atleta Nazzjonali Sprinter tal-U14 minn Athletics Malta għall-istaġun 2025?
Huwa unur sabiħ għalija li rbaħt l-Atleta Nazzjonali fl-isprints tal-U14 għat-tieni sena konsekuttiva. Inħossni ferħana li rnexxieli nilħaq il-miri tiegħi għal dan l-istaġun. Irrid inkompli naħdem fuq dak kollu li ksibt s’issa, u ninsab aktar motivata biex nerġa’ nibda nikkompeti fl-istaġun li jmiss u nipprova dejjem intejjeb il-livell tiegħi.
X’inbidel għalik bħala atleta meta mqabbel mas-sena l-oħra li għen lilek terġa’ tirbaħ dan l-unur?
Din is-sena komplejt nitħarreġ bi sħiħ mal-klabb tiegħi, Rush Athletics Club. Flimkien mal-kowċ tiegħi, Rachid Chouhal, ħdimna ħafna fuq l-isprints, mhux biss fuq il-veloċità iżda wkoll fuq it-teknika. Bħal f’kollox, fl-isprints it-teknika hija importanti ħafna għax tista’ tgħin biex tagħmel avvanzi tajbin.
Għar-raba’ sena konsekuttiva, minn meta bdejt nikkompeti fil-kompetizzjonijiet tal-MAAA, erġajt irreġistrajt l-aqwa ħinijiet u ġejt l-ewwel fir-rankings f’kull distanza tal-isprints: is-60m, il-100m, il-150m u l-300m fil-kategorija tiegħi. B’hekk erġajt ksibt dan l-unur tant importanti għalija, bħala l-aqwa sprinter nazzjonali tal-U14.
Għaliex għażilt l-isprints minn diversi events fl-atletika?
Għażilt l-isprints għax dejjem kont niehu gost nigri b’veloċità. Minn meta bdejt l-atletika u bl-ghajnuna tal – coach rrealizzajt li għandi kapaċità naturali f’distanzi qosra. L-isprints mhux biss huma sfida fiżika, imma wkoll eċċitanti. Inħobb il-kombinazzjoni ta’ teknika, qawwa u reazzjoni li l-isprints jeħtieġu, u dan jinkoraġini biex inkompli ntejjeb ruħi f’kull ġirja.
Kif jirnexxielek iżżomm bilanċ bejn l-iskola, it-taħriġ u l-kompetizzjonijiet, speċjalment issa li qed tikber fl-isport?
Onestament, mhux dejjem faċli. Nibda l-homework kmieni u nipprova nagħmlu kollu qabel it-taħriġ, malli eżatt nasal id-dar, iżda rari jirnexxieli nlestih kollu. L-importanti hu li nhalli l-inqas possibbli għal wara t-taħriġ. Nipprova nistrieħ biżżejjed u niekol sew. Xi kultant nitlob lill-ġenituri jgħinuni meta jkun possibbli, u anke ġieli tlabt l-għajnuna ta’ studenti jew għalliema biex jgħadduli x’għamlu meta nkun tlift l-iskola, bħalma jiġri meta nsiefer biex nikkompeti.
Jien nattendi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport fejn jgħinuna ħafna bħala studenti u joffrulna l-flessibbiltà li jkollna bżonn, mingħajr ma nnaqqsu l-livell akkademiku. L-iskola hija importanti u l-isport inħobbu ħafna. Meta niftakar li t-tnejn qed jgħinuni nikber, ma nħossnix daqshekk overwhelmed.
Fil-ġimgħat tal-kompetizzjonijiet, il-ħin ikun naqra iktar strett, fejn nipprova norqod aktar u wkoll nipprepara ruħi mentalment.
Kif tħoss li r-rebħ ta’ dan l-unur għat-tieni darba qed jinfluwenza l-motivazzjoni tiegħek għall-futur?
Ir-rebħ ta’ dan l-unur dejjem huwa premju sabiħ għal dawk is-sagrifiċċji kollha li nagħmel matul is-sena għall-isport li tant hu għal qalbi u jkompli jagħtini spinta biex inkompli naħdem bis-sħiħ, kif dejjem għamilt. Nemmen li bid-dixxiplina u bid-dedikazzjoni nista’ nasal fejn nixtieq, pass pass.
Nixtieq nirringrazzja lill-kowċ tiegħi, Rachid Chouhal, li ilu kowċ tiegħi għal dawn l-aħħar seba’ snin, tista’ tgħid mill-bidu meta bdejt l-atletika. Dejjem jemmen fija u jiggwidani f’kull aspett li għandu x’jaqsam mal-isport. Jagħtini l-appoġġ tiegħu kemm waqt it-taħriġ kif ukoll fil-kompetizzjonijiet, u kien strumentali fil-progress tiegħi matul dawn is-snin. Nirringrazzja wkoll lill-kowċis oħra tar-Rush Athletics Club, Coach Antonella Chouhal u Coach Matthew Micallef, li wkoll jagħtuni l-appoġġ kollu li jkolli bżonn, kemm fit-trakka kif ukoll barra minnha, matul l-istaġun kollu.
Mill-istaġun li ġej, nkun ta’ età eliġibbli fl-atletika biex nibda nifforma parti minn National Youths, xi ħaġa li tkompli timlini motivazzjoni u adrenalina. Dejjem ix-xewqa kbira tiegħi hi li nkompli nirrappreżenta lil pajjiżi u nirbaħ il-midalji.
Liema kienu l-aqwa mumenti jew esperjenzi tiegħek matul l-istaġun 2025 li jibqgħu jispikkaw għalik?
Din is-sena erġajt ksirt ir-rekords nazzjonali tiegħi tal-U14 sitt darbiet. Ksirt ir-rekords tal-Indoor tas-60m darbtejn, tal-Long Jump u wkoll tal-200m — dan kollu fi ftit sigħat meta kkompetejt fl-Indoor Games ġewwa Lee Valley, Londra f’Jannar li għadda. Ksirt ukoll ir-rekord nazzjonali darbtejn tal-400m obstacles ġewwa Malta. Ksibt il-midalji tad-deheb fl-isprints u fil-Long Jump kemm fil-Kampjonati Nazzjonali tax-xitwa kif ukoll f’dawk tas-sajf. Irbaħt ukoll il-midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni tal-EAP ġewwa Malta fis-60m.
Iżda l-aktar mument speċjali u sinifikanti għalija kien meta kkwalifikajt u ntgħażilt mill-Kumitat Olimpiku Malti biex nifforma parti minn Team Malta għall-U15 ISF World School Games ġewwa s-Serbja f’April li għadda. Din kienet l-ewwel darba li rrapreżentajt lil Malta f’kompetizzjonijiet ta’ livell dinji bħala l-iżgħar atleta tal-kontingent. Irbaħna l-midalja tal-bronż fil-4x100m relay tal-bniet — mument indimentikabbli għalija, li titla’ fuq il-podium bil-bandiera ta’ pajjiżek. Irnexxieli wkoll nikseb id-disa’ post fil-Long Jump.
Riċentement, it-team tar-relay ġejna mistiedna għall-Awards mtella’ mill-Kumitat Olimpiku Malti għall-midalja li rbaħna f’ dawn il -World Games, fejn jiġu premjati atleti minn kull sport li jkunu kisbu midalji barra minn Malta f’kompetizzjonijiet ta’ livell għoli.
Fil-kompetizzjonijiet EKAG ġewwa Brno fir-Repubblika Ċeka — kompetizzjonijiet Ewropej ta’ livell għoli ħafna — irnexxieli nikkwalifika għall-finali fil-150m u spiċċajt fl-11-il post minn 301 atleta.
X’inhuma l-pjanijiet jew il-pass li jmiss li qed tħares lejhom bħala żvilupp naturali fil-karriera tiegħek fl-isprints?
L-istaġun li ġej huwa wieħed mill-aktar importanti għalija, hekk kif issa se nibda nikkompeti fil-kategorija tal-U16, minkejja li għad għandi 13-il sena. Din tirrappreżenta qabża kbira fix-xena lokali, għax fil-kompetizzjonijiet niġri fuq livell open, u mbagħad niġi wkoll ikklassifikata mal-U16. Din hija opportunità tad-deheb u ninsab tassew ħerqana għaliha, għax nemmen li dan l-aspekt jista’ jgħinni nikber aktar. Aktar ma tkun b’saħħitha l-kompetizzjoni, aktar tagħtini motivazzjoni biex nilħaq il-miri tiegħi.
Qiegħda nitħarreġ ukoll ma’ atleti seniors u ta’ livell għoli ħafna, wħud mill-aqwa fil-pajjiż, li jiffurmaw parti mill-klabb Rush Athletics Club. It-taħriġ huwa aktar intensiv, dejjem taħt il-gwida tal-kowċ Rachid, biex jgħinni nkun ippreparata tajjeb għal dan il-livell li jmiss u anke għall-kompetizzjonijiet barra minn Malta.


