Saturday, March 14, 2026

Hyperbaric Unit ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

… b’fondi mill-ekokontribuzzjonijiet imħallsa mit-turisti

Aqra wkoll

Fondi mill-ekokontribuzzjonijiet imħallsa mit-turisti ntużaw għal Hyperbaric Unit ġdid ta’ €1.2 miljun f’Għawdex sabiex itejjeb is-sigurezza ta’ dawk li jżuru l-gżira biex jogħdsu, filwaqt li jiffaċilita wkoll diversi servizzi mediċi għall-pazjenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, ħabbru l-ftuħ ta’ din il-faċilità medika waqt żjara fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u laqgħa ma’ bugħaddasa professjonali li jaħdmu f’ċentri tal-għadds Għawdxin, fix-Xatt l-Aħmar, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Għaddasa Professjonali (PDSA). 

Il-Hyperbaric Unit ġdid, li jista’ jakkomoda sa sitt persuni f’daqqa, se jieħu post tagħmir eżistenti iżgħar li hemm fl-istess sptar, u li fih tista’ toqgħod biss persuna, u li ma kienx għadu jlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-gżira, speċjalment minħabba d-domanda dejjem tikber minn turisti li jżuru Għawdex għal esperjenzi tal-għadds. Il-hyperbaric unit ġdid se jżid il-kapaċità għal diversi servizzi mediċi, inkluż it-trattament ta’ emerġenza għal għaddasa li jsofru minn decompression sickness, kif ukoll terapiji oħra li jingħataw lil pazjenti oħrajn f’Għawdex.

B’kapaċità terapewtika li tlaħħaq sa 50 metru ta’ fond ta’ ilma baħar u bil-kapaċità li jintuża b’gassijiet imħallta, il-hyperbaric unit ġdid jippermetti li jingħataw trattamenti differenti ta’ rikompressjoni lil diversi għaddasa fl-istess ħin, filwaqt li jakkomoda b’mod sigur lill-ħaddiema mediċi li jkunu qed jassistuhom. Dan qed isaħħaħ b’mod sinifikanti r-reżiljenza tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Id-Deputat Prim Ministru Borg spjega li t-turiżmu tal-għaddasa huwa wieħed min-niċeċ ta’ valur miżjud li l-Gvern qed jappoġġja b’mod attiv bħala parti mit-twettiq tal-objettivi tal-Viżjoni Malta 2050, b’mod speċifiku miżura makro 4, lejn prodott turistiku aktar reżiljenti, diversifikat, u sostnut matul is-sena kollha, b’esperjenzi aktar awtentiċi u ta’ valur ogħla għall-viżitaturi. 

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif dan l-investiment mhux ser jgħin biss għaddasa li jiġu f’pajjiżna, imma huwa t’għajnuna kbira għal pazjenti li jkollhom bżonn li jibbenefikaw minn hyperbaric oxygen, bħal feriti u ċerti infezzjonijiet fejn dan it-trattament jista’ jaċċelera l-kura.

“Din hi wegħda oħra mwettqa fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Konvint li ħa jibbenefikaw minnha ħafna persuni fil-kumdità, u kommessi li nkomplu nsaħħu s-servizzi mediċi għall-Għawdxin f’Għawdex stess”, żied jgħid Dr Abela.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “ġiet inawgurata Hyperbaric Unit ġdida f’Għawdex, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, b’investiment ta’ €1.2 miljun. Din se tkompli ssaħħaħ id-destinazzjoni ta’ Għawdex ukoll bħala gżira li tattira s-settur tal-għaddasa għaliex tagħti s-serħan il-moħħ li tista’ tilqa’ sitt persuni f’daqqa f’każ ta’ bżonn.”

Il-kiri fit-tul tal-Hyperbaric Unit il-ġdida fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex huwa wieħed minn diversi proġetti ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet ambjentali mħallsa mit-turisti li jżuru Malta u Għawdex. Dan il-fond huwa amministrat mill-Kumitat Konsultattiv tal-Proġetti Turistiċi, bis-sehem ta’ rappreżentanti tal-Ministeru għat-Turiżmu, tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA). Fost proġetti oħra li qed jieħdu fondi minn dawn il-kontribuzzjonijiet hemm diversi inijattivi f’żoni turistiċi, fosthom ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Buġibba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport