Sunday, December 22, 2024

Ian Borg iħabbar li se jitfa’ n-nomina għal Deputat Mexxej tal-PL

Aqra wkoll

“Wara li kkunsidrajt is-sejħa ta’ ħafna persuni, u bl-appoġġ tal-familja tiegħi, iddeċidejt li nitfa’ n-nomina għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista, fl-elezzjonijiet tax-xahar id-dieħel.” Iddikjara dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, u ċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg. 

Il-Ministru Borg qal li huwa qed jagħżel li jkompli jagħti sehmu fit-tisħiħ tal-Partit u l-Gvern Laburista għaliex b’konvinzjoni jemmen li l-Partit Laburista u l-valuri li jħaddnu huma l-aqwa għażla politika għal pajjiżna, u li hemm bżonn l-għaqda f’ħidma bla heda, għall-ġid tal-poplu Malti, bħalma ilu jagħmel il-Partit Laburista sa minn meta twaqqaf, għal aktar minn 100 sena.

“F’dawn l-aħħar ġimgħat, tkellimt ma’ sħabi l-membri parlamentari u delegati tal-Partit Laburista, fosthom dawk li avviċinawni biex nagħmel dan il-pass. Ikkunsidrajt ukoll is-sejħa għall-għaqda tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, u kkonsultajt lill-kollega Chris Fearne, li serva l-kariga ta’ Deputat Prim Ministru bi grinta u determinazzjoni għal dawn l-aħħar tmien snin. Fuq kollox, tkellimt ma’ ħafna persuni li jixtiequ li nkomplu nsaħħu, b’mod sostenibbli, il-ġid li pajjiżna ħoloq mill-2013 ‘l hawn”, kompla l-Ministru Borg.

Huwa kompla wkoll biex jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu fil-Kabinett tal-Gvern għal dawn l-aħħar 11-il sena u l-kisbiet kbar li nkisbu u jistgħu jkomplu jinkisbu.

Il-Ministru Borg nnota li f’dinja fejn kuljum qed nisimgħu pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali jwissu li qed nirriskjaw kunflitti regjonali kbar, anke fl-Ewropa, u quddiem il-konsegwenzi dejjem jiggravaw tal-emerġenza fil-klima, Malta kompliet tisħaq fuq il-politika tagħna kontra kull aggressjoni u impożizzjoni.

“Dawn huma l-valuri li jeħtieġ inkomplu nħaddnu wkoll fit-tmexxija ta’ pajjiżna, fil-ħidma lejn kwalità ta ħajja aħjar għall-komunitajiet tagħna, lejn pajjiż iżjed sostenibbli. Huma wkoll il-binarji tal-ħidma politika tiegħi f’kull irwol li d-delegati tal-partit u l-poplu Malti u Għawdxi jiddeċiedu li għandi nservi”, temm jgħid il-Ministru Borg.

Ekonomija

Sport