L-edizzjoni tal-2025 taż-Zhik Double Handed Figure of 8 Race organizzata mir-Royal Malta Yacht Club offriet sfida oħra drammatika fejn reġgħet ikkonfermat ir-reputazzjoni tagħha bħala waħda mill-aktar tlielaq diffiċli fil-kalendarju tal-Club.
Il-jott Elusive 2 tal-aħwa Aaron u Christoph Podesta, kellha prestazzjoni eċċezzjonali fejn għat-tielet sena konsekuttiva kisbet ir-rebħa.
Il-korsa taż-Zhik Double Handed Figure of 8 tieħu l-flotta minn fost l-aktar partijiet esposti tal-Gżejjer Maltin.
Il-bidu kien bejn Forti Sant Iermu u Tigné Point, b’rotta li ħadet il-flotta lejn Aħrax, fejn minnn hemm għaddew għal fliegu ta bejn Malta u Kemmuna. Minn hemm daru madwar Għawdex fejn niżlu lura lejn Malta mal kosta tal-punent Filfla, Bengħajsa u l-marka ta’ Munxar qabel ma spiċċaw ġewwa Marsamxett, quddiem ir-Royal Malta Yacht Club.
Il-kundizzjonijiet tal-ġurnata kienu ta’sfida meta r-riħ fil bidu tat-tellieqa kien aktar ħafif milli mistenni, iżda żdied gradwalment għal madwar 20 nawtiċi fis-siegħa. Sal-ħin li l-flotta waslet fil-kosta tal-Punent u l-fliegu ta’ Kemmuna, il-baħħara kienu qed jiffaċċjaw mewġ tal-fuq minn żewġ metri.
Fil-bidu tat-tellieqa, il-battalja bdiet bejn Vivace (Andrew Agius Delicata/Matthew Gabriele) u Calypso (Sebastian Ripard/Kristian Borg Nicolas), li ħarġu mill-bokka tal-port flimkien. Ton Ton Laferla (Jonathan/Gerald Gambin) baqat fil-qrib. L-ewwel bidla sinifikanti fil-pożizzjonijiet saret quddiem Baħar iċ-Ċagħaq, fejn Elusive 2, Vivace u Ton Ton Laferla għażlu rotta viċin il-kosta, filwaqt li Calypso u Lartista (Matthew Micallef/Andrea Vella) ħarġu aktar ’il barra.
Elusive 2 kisbet vantaġġ tajjeb lejn il-fliegu bejn Kemmuna u Għawdex, waqt li Ton Ton Laferla u Vivace baqgħu viċin. Ton Ton Laferla aktar ’il quddiem kellu jirtira viċin Kemmuna. Dan fetaħ il-pass għal Vivace, Lartista u Calypso li komplew jersqu l-quddiem.
Sal-Qortin, id-distakki kienu tkabbru b’mod notevoli, iżda l-ġlieda għall-podju kompliet tissaħħaħ. Hekk kif daru m’Għawdex, Calypso għamlet qabża ’l quddiem, fejn resqet viċin ta’ Vivace.
Elusive 2 kienet l-ewwel jott li spiċċat it-tellieqa, segwita minn Calypso u mbagħad Vivace.
F’kumment wara t-tmiem it-tellieqa, Aaron Podesta qal:
“F’dawk il-kundizzjonijiet diffiċli ħafna konna nafu li kien importanti li nsibu bilanċ bejn li tgħafas l-quddiem kif ukoll li ma jkunx hemm ħsarat, speċjalment għax f’din it-tellieqa nkunu tnejn biss. Żball wieħed jista’ jkollu konsegwenzi serji. Kienet tellieqa tassew iebsa u l-manuvri kienu ta’ sfida kbira, minkejja dan ħadna gost!”
Ir-riżultati finali, fuq ħin korrett kkonfermaw:
Elusive 2 (Aaron / Christoph Podesta) – L-ewwel Post
Vivace (Andrew Agius Delicata / Matthew Gabriele) – It-tieni Post
Calypso (Sebastian Ripard / Kristian Borg Nicolas) – It-tielet Post
Il-Commodore tal-Royal Malta Yacht Club Mark Napier ta l-awgurji tiegħu lir-rebbieħa u esprima l-apprezzament tal-Club lejn RLR Yachting, rappreżentanti lokali tad-ditta Zhik, għall-appoġġ kontinwu tagħhom lejn din it-tiġrija.
L-aħħar tellieqa fil-kalendarju tal-Club ser tkun il-Medcomms Round Malta Race fit-13 ta’ Diċembru.

