Raġel ta’ 33 sena residenti l-Imsida u ieħor ta’ 53 sena residenti l-Mosta ġew arrestati lbieraħ filgħaxija wara li allegatament kienu involuti f’serqa li saret ftit tal-mumenti biss qabel.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9:00 p.m meta l-Pulizija ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza fi Triq il-Wied Tal-Imsida, l-Imsida. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li persuna kienet bbukkjat is-servizz ta’ vettura (cab), fejn kif wasal ix-xufier fuq il-post, wieħed mill-irġiel daħal fil-karozza u allegatament heddu b’xi arma u talbu l-flus. Wara li tah il-flus, ordna lix-xufier biex jinżel mill-karozza u l-ħalliel ħarab biha minn fuq il-post.
Minnufih bdiet tfittxija għal vettura u madwar siegħa wara, din ġiet iċċirkondata fi Triq il-Ħarrub u ħdejn il-vettura nstabu żewġt irġiel, wieħed minnhom, l-allegat persuna li wettqet is-serqa.
Iż-żewġt irġiel ġew arrestati u saret tfittxija fuqhom fejn ġew elevati diversi oġġetti b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.
Huma qegħdin jinżammu fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana għal aktar stħarriġ. B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.