Saturday, December 21, 2024

Ibburdjar: Se jkollu jirtira!

Aqra wkoll

Wara l-prestazzjoni kuraġġuża tiegħu fl-ewwel żewġ tlielaq ta’ kwalifika, Jean Paul Fleri Soler kien favorit kbir li jikkwalifika għall-Enemed Malta-Sicily Windsurf Crossing – edizzjoni kommemorattiva tal-40 Anniversarju (1982-2022), li ser issir fil-bidu ta’ Mejju.

Madankollu wara t-tieni tellieqa ta’ kwa­lifikazzjoni fil-5 ta’ Marzu Fleri Soler informa lill-organizzaturi li “Ser nagħmel kirurġija għal sostituzzjoni tal-ġenbejn, u l-perjodu ta’ rkupru mhux se jħallini żmien biżżejjed biex inkun lest għall-avveniment.”

L-idolu tal-windsurfing ta’ 58 sena kien figura dominanti fix-xena lokali u b’mod partikolari fl-International Malta-Sicily Windsurf Race. Kien hemm għaxar avve­nimenti ta’ windsurf bejn Malta u Sqallija fejn Fleri Soler kien preżenti fuq tmienja minnhom.  

Il-kisbiet tiegħu matul is-snin kienu – Fl-ewwel edizzjoni tal-1984, Jean Paul Fleri Soler bħala rebbieħ stabbilixxa wkoll ħin rekord ta’ 5 sigħat 56 minuta u 35 sekonda.

Dan il-ħin rekord għall-maratona ta’ 53.4 mil nawtiku qatt ma nkiser fl-edizzjonijiet tal-avveniment bejn l-1984-1994. 1985 – (It-tieni edizzjoni) It-tielet post, 1986 – (it-tielet edizzjoni), It-tielet post, 1987 – (ir-raba’ edizzjoni) it-tieni post, 1988 – (Il-ħames edizzjoni) rebbieħ, 1990 – (Is-seba’ edizzjoni) it-tieni post, u 1991 – (It-tmien edizzjoni) It-tieni post.

Fl-2015, 31 sena wara l-edizzjoni tal-1984, Paul Ellul tejjeb dan ir-rekord fuq single crossing minn Sliema Malta għal Pozzallo Sqallija fejn kopra d-distanza f’4 sigħat, 47 minuta 35 sekonda.

Il-kisbiet ta’ Fleri Soler kienu tabilħaqq notevoli li jsiru f’avveniment rikonox­xut bħala l-‘itwal tiġrija tal-windsurf f’fażi waħda fid-dinja’. Huwa kiseb tliet rebħiet, kiseb it-tieni post tliet darbiet u t-tielet post darbtejn. 

“Dan ċertament huwa ta’ dispjaċir u ta’ diżappunt kbir.  Minbarra li huwa atleta ta’ talent, Jean Paul huwa bniedem ta’ eżempju u kien prinċipalment permezz tal-inizjattiva u t-tmexxija tiegħu li reġa’ ġie introdott il-windsurfing fil-Malta Young Sailors Club. Huwa ħaqqu li jkun fuq din it-tifkira tal-40 anniversarju ta’ avveniment li kien ifisser ħafna għalih,” irrimarka Wilfred Sultana, organizzatur ġenerali u oriġinatur ta’ avve­nimenti tal-windsurf bejn Malta u Sqallija. 

L-Enemed Malta-Sicily Windsurf Crossing – edizzjoni kommemorattiva tal-40 Anniversarju (1982-2022), qed issir bil-kollaborazzjoni tal-Comune di Pozzallo (Kunsill tal-Belt ta’ Pozzallo) Sqallija, b’Enemed bħala l-“Official Fuels Partner” kif ukoll l-isponsors prinċipali. L-isponsors uffiċjali l-oħra tal-avveniment huma GasanMamo Insurance, S&D Yachts, Blye, Medcomms Marine Electronic, Cisk, u Roland Marina. L-avveniment qed isir ukoll bl-appoġġ u r-rikonoxximent tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Ritratt: Jean Paul Fleri Soler, għal snin sħaħ figura dominanti fix-xena lokali, jinsab ‘barra’ mill-Enemed Malta-Sicily Windsurf Crossing – edizzjoni kommemorattiva tal-40 anniversarju (1982-2022) –  Alex Turnbull – fotografu uffiċjali.

Ekonomija

Sport