Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
L-isport minn dejjem kien jogħġobni. Meta kont iżgħar, kont nippreferi nilgħab ftit bil-ballun ma’ sħabi tax-xogħol. Meta bdejt nikber, ħassejt li biex inżomm il-‘fitness’ tiegħi, kelli nagħmel xi ħaġ’oħra. U għalhekk dort għall-atletika. L-ewwel bdejt b’xi jog ta’ nofsiegħa ‘l hemm u ‘l hawn. Imbagħad tħajjart nagħmel l-ewwel 10km tiegħi, aktar biex inżomm lili nnifsi motivat milli għal raġunijiet oħra. Niftakar kienet ‘FunRun’, u ħassejtni vera kuntent li wasalt sal-aħħar mingħajr ma nieqaf.
Minn dakinhar, għamilt aktar kuragg, u dħalt għal aktar ġirjiet…u wara ftit xhur il-ġiri sar passjoni u bżonn fl-istess ħin, għax jgħinni nistrieħ wara ġurnata xogħol u jgħin is-saħħa mentali tiegħi. Il-ħin tat-taħriġ jgħinni nirrilassa u ninsa l-problemi ta’ kuljum.
Illum il-ġurnata, ilni xi tmien snin niġri b’mod regolari, u m’għandiex ħsieb li nieqaf sakemm is-saħħa tibqa’ miegħi.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
L-akbar suċċess, jekk nista’ nsejjaħlu hekk, hija l-maratona li għadni kemm ħadt sehem fiha u spiċċajt ġewwa Milan. Hija ġirja ta’ 42.2 kilometru, fejn fiha trid tkun kemm fiżikament b’saħħtek, kif ukoll mentalment ippreparat. Biex nasal għaliha, għamilt sitt xhur ta’ taħriġ, fejn kont noħroġ niġri ħames darbiet fil-ġimgħa. Fiha element kbir ta’ sagrifiċċju, determinazjoni u perseveranza.
Kont ħlomt li nieħu sehem f’maratona wara inċident serju li kelli f’sieqi. Kont għamilt wegħda miegħi nnifsi li jekk kont se nirkupra għal kollox, u nkun nista’ niġri mill-ġdid, nittanta xortija fl-aktar distanza u tiġrija impenjativa. Għall-grazzja t’Alla din il-ħolma saret realtá.
Bħala ħinijiet fil-5km, 10km u nofs maratona għandi ħinijiet medji, imma li jien kuntent bihom għax fihom tajt dak kollu li nista’.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Jiddependi x’nifhmu bħala livell.
Fuq livell kompetittiv, il-livell taż-żgħażagħ, hemm atleti jippromettu ħafna. L-istess fuq livell ta’ Masters. Għandna atleti lokali, li meta jikkompetu barra minn xtutna jġibu riżultati ferm tajbin, u mhux l-ewwel darba kienu fuq il-podju jew rebħu l-ġirja.
Madankollu, jekk naraw u nqabblu l-ħinijiet u r-rekords li kienu jġibu atleti lokali tal-passat, m’hemmx differenzi kbar, minkejja li llum il-ġurnata l-‘equipment’ sportiv huwa ferm aktar avvanzat.
Fuq livell ta’ parteċipazzjoni, in-numri ta’ atleti u klabbs tal-atletika sploda ‘l fuq. Fejn qabel kienu jieħdu sehem numru relattivamant żgħir ta’ atleti, illum kull ġirja jieħdu sehem fiha mijiet ta’ nies, irġiel u nisa. Dan jista’ jitqies bħala suċċess għax hawn aktar għarfien għall-involviment sportiv u għall-attivitá fiżika f’pajjiżna.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-postijiet ta’ taħrig huma limittati. Trakka tal-atletika kif suppost hawn tnejn biss, it-tnejn li huma qegħdin Malta. Kull atleta, u kull klabb irid jitħarreġ fihom. Ġewwa Għawdex, l-atleti jridu jiġru fil-korsa taż-żwiemel, fuq strippa tal-konkos, li la hija tad-distanza regolamentari ta’ trakka tal-atletika u lanqas hija ċatta għal kollox. It-trakka tal-Universitá hija tat-tarmak. It-trakki li hemm ġewwa bosta skejjel, huma żgħar u l-art taghhom trid manutenzjoni għax spiċċa l-‘cushioning’ tagħha.
Naħseb li l-isport tal-atletika f’pajjiżna jixraqlu aħjar jekk irridu ngħollu l-livell u l-atleti jitħarrġu sew mingħajr riskju ta’ ‘injury’.
Rigward il-kompetizzjonijiet tal-atletika fit-triq, bħal dawk ta’ 5km, 10km u nofs maratona, nixtieq kieku jkunu aktar ħielsa mit-traffiku għax personalment niddejjaq niġri mdawwar bil-karozzi.
Nammetti iżda li difficli biex dan iseħħ minħabba ċ-ċokon ta’ pajjizna u s-sitwazzjoni tat-traffiku preżenti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Għall-futur qrib nixtieq inkompli nieħu sehem f’tiġrijiet lokali, u dawk ta’ barra minn xtutna, bħan-nofs maratoni magħrufa bħala ‘Super Halfs’ u l-Maratona ta’ Londra.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi: Ibda pass pass … kun dedikat u perseveranti, u tirnexxi.
Kulħadd huwa rebbieħ jekk jirnexxielu jasal sal-aħħar tal-ġirja, mhux min jasal l-ewwel biss!
L-aktar diffiċli huwa li tibda titħarreġ u tkun kostanti.
Fuq livell ta’ żgħażagħ u tfal, li huma għal qalbi minħabba n-natura ta’ xogħoli, nixtieq nara ħafna aktar tfal li jersqu lejn l-atletika u jitħarrġu b’mod personali, għax huma l-futur ta’ dan l-isport.