Monday, March 24, 2025

Ibdew eżerċizzju għax dak hu l-aqwa investiment għal saħħitkom, għandkom kemm għandkom etá – Richard Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Meta kont għadni tifel ta’ xi 10 jew 11-il sena, kont qiegħed Ta’ Qali ma’ missieri u bdew ixandru li hemm tellieqa. Lil missieri għidtlu li kont imħajjar biex ninkiteb għaliha u qalli, “Inti m’intix ittrenjat għaliha” iżda jien weġibtu li xorta waħda ridt nidħol għax naħseb li nieħu pjaċir u kitibni għat-tellieqa. Dħalt għaliha u rbaħtha. Minn hemm bdiet il-passjoni tiegħi għall-atletika.

Dak iż-żmien stess irregistrajt mal-klabb ta’ Libertas taħt il-gwida tal-kowċ Charlie Coffi. Konna tim tajjeb li jinkludi atleti bħal Xandru Grech, Matthew Micallef St. John, u Kevan Borg. Wara xi sentejn kelli injury u bdejt nittrenja ir-rota minflok. Waqaft mill-isport fl-1990 minħabba impenn iehor iżda dejjem baqgħet f’moħħi ix-xewqa li nagħmel nofs maratona.

Fit-2002 wara xharejn training bla waqfien dhalt ghal half marathon u lestejta f’ħin ta’ 1:27:30. Kont kuntent ħafna! Wara ovjament xtaqt nipprova  nagħmel l-full marathon iżda reġa’ kelli injury u kelli nerġa’ nieqaf.

Fl-2020, kelli problemi ta’ saħħa u t-tobba qaluli biex nagħmel dieta u ħadt l-opportunità biex nerġa’ nibda’ fl-atletika. Ċempilt lill-kowċ tiegħi, David Galea li jiġi wkoll ħija u għidtlu li kelli bżonn programm ta’ taħriġ għall-full marathon.

David ħadni bis-serjetà u wara ftit xhur beda jdaħħalni fi tlielaq b’distanzi ta’ 5K. Aktar ma għadda ż-żmien, aktar beda jdaħħalni f’tellieqat itwal, bħal 10K etc.

Fi Frar tal-2021, grazzi għall-għajnuna tiegħu, wasalt biex nagħmel il-ħolma tiegħi realtà. Irnexxieli nlesti full marathon f’ħin ta’ 3:15. Xi xahrejn u nofs wara, dħalt għat-tieni maratona li lestejta f’ħin ta’ 3:19:40 u ħassejtni verament sodisfatt.

Grazzi għall-kowċ tiegħi, komplejt bi sforz u dedikazzjoni kbira bil-programm tiegħu. F’Lulju, ġejt magħżul biex nieħu sehem fil-Greċja fejn ippreżentajt lill-AFM fid-distanzi ta’ 5K u 10K. Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi barra minn Malta u taghtni ħafna motivazzjoni biex inkompli nittrenja.

Wasalt għat-tielet maratona, għalkemm kelli injury li waqqfitni għal xi erba’ ġimgħat, xorta rnexxieli nlesti f’ħin ta’ 3:18:35.

Fl-2023, kelli ħafna personal bests f’kull distanza: 5K, 10K, u 16K. Imma f’moħħi dejjem żammejt li rrid nerġa’ nagħmel full marathon.

Fl-2024, erġajt dħalt għal full marathon fejn kien hemm ħafna maltemp, imma xorta rnexxieli nlesti f’ħin ta’ 3:07:50. Konna rebħna bħala team u din is-suċċess kompla jtini motivazzjoni.

Xtaqt ukoll nagħmel full marathon barra minn Malta u għażilt li naghmel dan gewwa l-Maċedonja. Hemmhekk, irnexxieli nagħmel personal best ta’ 3:06:42.

Issa x-xewqa tiegħi hija li nagħmel full marathon taħt it-tliet sigħat, imma fl-aħħar ġimgħat sfortunatament kellli nieqaf ghal ftit minħabba problemi ta’ saħħa. Mhux xi ħaġa faċli għax it- taħriġ isir parti kbira min hajtek u mir-rutina tiegħek ta’ kuljum iżda bħalissa qiegħed nagħti s-sapport tiegħi b’mod ieħor.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Meta kont iżgħar irbaħt diversi tlielaq tal-kategorija tiegħi. Matul iż-żmien, dejjem immirajt li ntejjeb il-ħinijiet tiegħi speċjalment għall-kategorija li nkun qed intellaq fiha. L-aħħar kategoriji

li ġejt l-ewwel post fihom kienu over 45, u iktar riċenti fil-kategorija ta‘ over 50 fejn ġejt fit-tieni post.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell dejjem qiegħed jogħla. Jien nara li ħafna atleti huma dedikati ħafna. Fortunatament, għandna diversi riżorsi disponibbli għall-atleti, u l-fatt li l-iskejjel qed jagħrfu l-importanza tal-isport fil-ħajja tal-istudenti u jinkoraġġuhom biex jittrenjaw jgħin ħafna. Dan jgħin biex dawk li jħobbu l-isport ikunu jistgħu jittrenjaw b’mod professjonali sa minn età żgħira.

U dak tar-riżorsi, fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Nistgħu nagħmlu aktar f’dan il-qasam għax bl-ammont ta’ vetturi fit-toroq, wiehed irid joqghod iktar attent. Għawdex għadu mhux ħażin, iżda fejn jidħol taħriġ professjonali, għandna biss track waħda. Fl-opinjoni tiegħi, hemm bżonn ta’ aktar faċilitajiet.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Bħalissa qiegħed nipprova nirkupra minn problemi ta’ saħħa, imma l-ħolma għadha hemm. L-aktar ħaġa li nixtieq bħalissa hija li nerġa’ nieħu saħħti lura biex inkompli nwettaq il-ħolma tiegħi li nagħmel full marathon taħt it-tliet sigħat.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Ibdew eżerċizzju għax dak hu l-aqwa investiment għal saħħitkom, għandkom kemm għandkom etá … taqtgħu qalbkom qatt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport