Wednesday, March 26, 2025

Ibdew l-atletika minnufih, ħudu ħsieb saħħitkom l-ewwel u tħarrġu bil-galbu – Gerald Grech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Bdiet meta kelli biss għaxar snin. Kont mort nara l-kuġin tiegħi Leonard  (li kien sena ikbar minni) itellaq it-800m fl sports day tal-Kulleġġ San Alwiġi. Kien ġrieha f’ħin rekord ta’ 2min43s (kategorija taħt il-11-il sena) u minn dakinhar iddeċidejt li l-atletika kien se jkun l-isport tiegħi u qatt ma ħarist lura. Kelli 11-il sena meta ġrejt l-ewwel tiġrija fuq it-trakka (dak iż-żmien fuq iż-żrar) peró kien ta’ 16-il sena li bdejt nitħarreġ b’mod regolari fit-trakkata’ San Alwiġi u l-Marsa. Issa għandi 48-sena u għadni għaddej!

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Jien wieħed mill-ftit Maltin li ġrew taħt il-1:55 fit-800m f’ħin ta’ 1’54’’76 fis-sena 2000 u taħt 8’45 fit-3000m. Rebbieħ tat-2004/2005 National Road Running League

National champion 3,000m, 5,000m fl-2004. 2011 Malta International Half Marathon l-ewwel Malti u t-tieni pożizzjoni fil-klassifika ġenerali.

Iktar riċenti:

Fl-2020 ġejt fit-tieni post overall fil-Malta Trail League u Xterra Trail Gozo 21k 

Bejn l-2021 u l-2023 ksirt ir-rekord nazzjonali tal-kategorija Masters 45-49 fuq id-distanza ta’ 1500m diversi drabi kif ukoll stablixxejt rekords fuq il-5km u 10km fit-triq fl-istess kategorija.

Fl-2023 ksirt ir-rekord nazzjonali tal-kategorija Masters 45-49 fuq id-distanza ta’ 800m.

Fl-2024 irbaħt żewg midalji fl- 1500m (fidda) u 5km (deheb) fil-World Company Games, Catania, Italja fil-kategorija 40-49.

Fl-2025 stablixxejt rekords fuq il-1500m Indoors Masters 45-49, kif ukoll fil-Kategorija Senior f’tellieqa ġo Ghent, il-Belġju u erġajt ksirt l-istess rekords f’tellieqa oħra f’Padova, l-Italja.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-parteċipazzjoni fit-tlielaq tat-triq reġgħet ħadet ir-ruħ wara l-Covid-19, biss fuq it-trakka għadha kemmxejn batuta speċjalment fid-distanzi twal mil-1500m ‘il fuq.

Bil-ħidma ta’ Athletics Malta f’dawn l-aħħar erba’ snin, issa għandna bosta tlielaq fit-triq ċertifikati imkejla minn World Athletics u b’hekk il-livell per se, nista’ ngħid li tjieb speċjalment fuq id-distanzi twal 5km sa maratona għall-irgiel, peró l-livell tan-nisa fuq l-istess distanzi sfortunament naqas. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Hawn waqajna naqra lura. Għandna biss żewġ trakki sintetiċi tal-400m fejn nistgħu nitħarrgu u waħda fejn intellqu. Kien hemm proġett biex isir stadium ġdid fl-Universitá f’Tal-Qroqq imma qatt ma sar xejn. Fl-2025, għadna m’għandniex ‘floodlights’ diċenti li jistgħu jintużaw fit-trakka nazzjonali biex niġru bil-lejl fit-tlielaq li jsiru fix-xhur sħan tas-sajf.

Fit-triq, is-sitwazzjoni mhix faċli lanqas minħabba ż-żieda fit-traffiku u mentalitá bażwija li ma jistgħux jingħalqu wisq toroq meta jkun hemm tellieqa fit-triq. Għandu jkun hemm iktar għajnuna mil-awtoritajiet biex jingħalqu t-toroq meta jsiru t-tlielaq. Manoel Island u Ta’ Qali, faċilment jistgħu jsiru positijiet iddedikati għall-isport fejn, pereżempju jinħolqu korsiji mdawwla dedikati għall-ġiri.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?                                        

Issa qed inħares li nkompli ntejjeb il-ħinijiet tiegħi fil-kategorija Masters biex inkun mat- top 100 fil-masters rankings tal-kategorija M45 u s-sena li ġejja f’dik tal-M50.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Li jibdew minnufih, jieħdu ħsieb saħħithom l-ewwel, jitħarrġu bil-galbu u ma jinħarqux żgħar ħalli jgawdu l-atletika għal għomorhom!   

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport