Saturday, December 21, 2024

“Ibni mhux imur skola, dak li bbuljah jattendi normali”

Aqra wkoll

Omm ta’ tifel li għadu kemm beda l-esperjenza tiegħu fis-sekondarja qiegħda taqsam l-esperjenza ta’ binha rigward il-kruha tal-bullying. L-omm bdiet biex tispjega li binha kien verament kuntent bl-LSE li ngħata biex tkun tista’ tgħinu minħabba l-kundizzjoni tiegħu sakemm ġurnata partikolari beda jilmenta minn uġigħ ta’ ras b’mod frekwenti.

Spjegat li la hi u lanqas missieru ma kienu se jkunu jafu x’kienet il-problema għax binhom huwa riżervat ħafna u għalhekk għażlet li tkellem l-amministrazzjoni tal-iskola. Hija tallega li minn hemm irriżulta li kien hemm tifel ieħor li kien qiegħed jagħmel il-ħajja ta’ binha diffiċli minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Tkompli biex tgħid li hija ngħatat serħan il-moħħ li s-sitwazzjoni se tkun osservata mill-qrib u li ma kellhiex għalfejn tinkwieta.

“Bkejt fuq li bkejt… ġimgħa ilu ċempluli mill-iskola u qaluli li t-tifel kien qiegħed ibati mid-dipressjoni”

Omm it-tifel

L-omm żiedet li ftit tal-jiem ilu binha rċieva messaġġ bi kliem li jweġġa’ u rrappurtat il-każ lill-Pulizija li anke kellmu lil dawk involuti. Hija rrakkunat kif flimkien ma’ missier it-tifel marret l-iskola fejn esprimew ix-xewqa li ż-żewġ studenti li qegħdin iġibu ruħhom b’dan il-mod fil-konfront ta’ binhom jintbagħtu skola oħra u jingħataw għajnuna biex ma jirrepetux l-istess imġiba ma’ tfal oħra. Madankollu hija żiedet tilmenta li dan ma setax isir u li jista’ jiġri huwa li ż-żewġ studenti li qed jibbuljaw lil binha jiġu mitkellma ħalli jsiru konxji tal-aġir tagħhom.

L-omm temmet tappella lill-pubbliku biex jaqsmu din l-esperjenza ħalli tfal bħal binha jkollhom dritt imorru l-iskola u jħosshom siguri.

Ekonomija

Sport