Saturday, April 19, 2025

Ibqa’ aħdem fid-dlam, u d-dawl tiegħek se jiġi ċ-ċans li jixgħel quddiem kulħadd – TJ Mifsud

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Meta kont żgħir dejjem kont imħeġġeġ mill-ġenituri tiegħi li nipprattika l-isport, bħal kull tifel ieħor f’Malta. L-ewwel sport li ppruvajt kien il-futbol, iżda dejjem fittixt li nsib sports differenti li nista’ nilgħab. Tista’ tgħid li meta kont żgħir doqt l-isports kollha iżda meta kelli tmien snin, missieri kien ħadni nara logħba l-Pixxina u tista’ tgħid li minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo. L-atmosfera tal-partitarji flimkien mal-isbuħija tal-isport laqtuni mmens u minn dik il-ġurnata kont naf li dan kien se jkun tabilħaqq l-isport li nkompli niffoka fuqu.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tiegħek, Ta’ Xbiex ASC, sa issa.

Wara li s-sena l-oħra kont viċin li nieqaf nilgħab, minħabba li spiċċajt bla tim għas-sajf għandi ħerqa ġo fija din is-sena li nuri x’naf  u nħossni fortunat li għandi din l-opportunitá mat-tim ta’ Ta’ Xbiex ASC fl-Ewwel Diviżjoni fejn jiena kkunsidrat bħala wieħed mill-plejers il-‘kbar’, avolja għad għandi 20 sena. Dan għaliex għandna tim żgħir ħafna bi plejers minn San Ġiljan ASC. Qed nieħu din l-opportunitá li ngħin lil dawn l-atleti bħalma kienu għenuni meta kont mal- Barracudas u Otters meta kont wieħed miż-‘żgħar’ jiena, kif ukoll nitgħallem minn dawk ikbar minni. Madankollu bħala tim inħoss li aħna tim magħqud li fih nista’ nrabbi kunfidenza u esperjenza biex inkompli nsaħħaħ il-logħba tiegħi. 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għas-sajf li ġej?

Għas-sajf li ġej, wara li s-sena l-oħra kważi spiċċajt mingħajr klabb għas-sajf din is-sena personalment nixtieq li nkunu f’pożizzjoni li nistgħu nikkompetu u nemmen li l-Kampjonat tax-Xitwa qed iservi bis-sħiħ bħala esperjenza għalina bħala tim biex nitgħallmu kif nilagħbu flimkien u d-differenzi bejnietna. Nemmen li taħt il-gwida tal-kowċ Matthew Pace u fis-sajf Sergio Afric se jkollna sajf tajjeb ħafna. Ix-xewqa tiegħi hi dik li nirbaħ Tazza din is-sena, u nemmen li bħala tim għandna dak l-għan komuni u gwida biżżejjed biex nikkompetu u nirbħu. 

Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?

Huwa evidenti li fl-aħħar ftit snin il-waterpolo lokali għamel qabża kbira ‘l quddiem, li intwera mit-tim nazzjonali fl-aħħar Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja. Iżda nemmen ukoll li huwa tabilħaqq possibli li Malta tilħaq postijiet akbar u hemm ċerti aspetti fiżikament li nistgħu nagħfsu iktar fuqhom. Speċifikament jekk nibdew nimplimentaw xogħlijiet ta’ ‘sport testing’ u ‘biometric measurments’ u studji xjentifici li jistgħu jgħinu fit-taħriġ tal-atletli. Bħala waterpolo hemm ħafna nuqqas ta’ studju fuq l-isport inġenerali, mhux f’Malta biss iżda madwar l-Ewropa kollha. Dan kien evidenti meta bdejt nagħmel riċerka iżda bħala Assoċjazzjoni, l-ASA, kienet ta’ għajnuna kbira waqt li qed nagħmel ir-riċerka għall-istudju tiegħi, iżda l-atleti jridu juru iktar interess sabiex dan it-titjib jista’ jsir. L-istudju tiegħi għadu mhux komplut allura ma nistax ngħid ħafna fuqu imma nixtieq li nkompli nistudja fuq ‘sport science’ sabiex nagħti lura lill-isport tiegħi fil-kuntest lokali. Nemmen li xi darba Malta tkun fil-quċċata tal-waterpolo Ewropew u nikkompetu fost l-ikbar timijiet u pajjiżi. 


U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

Ir-riżorsi f’dawn l-aħħar snin bdew jiżdiedu, grazzi għall-ħidma sfieqa ta’ SportMalta u l-ASA biex jagħtu lill-atleti l-iktar faċilitajiet tajbin li jistgħu. Bħala faċilitajiet naħseb li bħala pixxina għandna fost l-aqwa fl-Ewropa meta tqis il-livell ta’ indafa li tinżamm fiha, kwalitá tal-ilma, eċċ. Naħseb li bħala faċilitajiet hemm bżonn kbir ta’ ‘strength and conditioning’, post fejn it-timijiet jistgħu jittrenjaw kemm fl-ilma kif ukoll barra minnu li huwa parti importanti ħafna fi ħdan l-isport. Bħala klabbs qed jintwera l-interess billi jużaw gyms kummercjali viċin il-pixxina iżda naħseb illi faċilitajiet bħal sports labs u strength and conditioning gyms ikunu ta’ użu kbir għall-klabbs Maltin sabiex nieħdu l-pass li jmiss biex inlaħħqu postijiet ġodda. Il-logħob kważi kollha jintlagħbu l-Pixxina illi fis-sajf m’hemmx problema iżda fil-Kampjonat tax-Xitwa naraw nuqqas ta’ nies il-Pixxina minħabba xita u bard. Kif rajna kien hemm logħob illi ntlagħbu l-Pixxina tal-Kottonera ukoll din is- sena li tista’ tkun pass li jittieħed biex tattira iktar nies jiġu jaraw iktar logħob. Kelli għalliema tal-iskola li għaddewli dan is-suġġeriment illi huma jiġu għal iktar logħob li kieku ma kellhomx joqgħodu fix-xita.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Minn mindu bdejt il-waterpolo xtaqt li nirbaħ, ma nħobbx nitlef bħal kull atleta ieħor. Ħolma kbira tiegħi hi dik li nilgħab barra minn xtutna jew nitla’ mal-klabb li beda kollox miegħu, San Ġiljan ASC. L-atmosfera li tara waqt logħba tal-Kampjonat tas-Sajf jew xi logħba taħraq m’hemmx bħalha u bħala plejer hija dik l-emozzjoni li tiġri warajha mingħajr waqfien, is-sens ta’ rebħa. L-isport tal-waterpolo u l-imħabba tiegħi għall-isport, immotivawni sabiex nistudja fuq l-isport u ‘sport science’. Din fetħet l-opportunitá li għall-Masters immur nistudja fl-aqwa Universitá tal-iSport, Loughborough University, ġewwa l-Ingilterra u nilgħab barra minn xtutna fl-istess ħin. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Kieku kelli ngħaddi messaġġ lill-atleti oħra hu li qatt m’għandek titlef dik l-imħabba għall-isport tiegħek! Qatt m’għandek taqta’ qalbek … ibqa’ aħdem fid-dlam, u d-dawl tiegħek se jiġi ċ-ċans li jixgħel quddiem kulħadd!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport