Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Dejjem niftakarni niġri wara ballun, nilgħab ma’ ħuti fit-triq quddiem id-dar jew ma’ sħabi tal-MUSEUM f’xi għalqa jew grawnd miftuħ il-Ħadd wara nofsinhar. Meta kelli 10 snin, niftakar lil missieri jistaqsini x’nixtieq nagħmel jekk ngħaddi għal-LICEO, u għidtlu li nixtieq nibda nilgħab ma’ nursery. Peress li konna noqogħdu Birkirkara, kien ovvju li nibda man-nursery ta’ Birkirkara. Minn dakinhar, kelli x-xorti kbira li nitħarreġ f’ambjent attrezzat, immexxi minn kowċis kwalifikati u dedikati li ħafna minnhom għadhom involuti fid-dinja tal-futbol, anke jekk fi rwoli differenti.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala goalkeeper.
Bħala goalkeeper, bdejt b’kumbinazzjoni. Qatt ma kont nimmaġina li xi darba nsir goalkeeper, aktar u aktar meta missieri dejjem xtaqni nilgħab f’pożizzjoni avvanzata. Madankollu, meta dħalt fin-nursery, irriżulta li ma kellniex goalkeeper. Il-president avviċinani għax kont twil u kien hemm logħba fejn talabni nipprova fil-lasta. Minn hemm qatt ma ħarist lura.
L-esperjenza bejn il-lasti dejjem kienet waħda mimlija sfidi, iżda qatt ma qtajt qalbi. Din il-pożizzjoni tirrikjedi mentalità b’saħħitha u determinazzjoni kbira. L-għatx għall-kisbiet personali u għas-suċċess tat-timijiet li lagħabt magħhom dejjem kienet prijorità. Naturalment, ir-rwol tal-goalkeeper evolva ħafna minn meta bdejt nilgħab fil-bidu tad-disgħinijiet, kemm teknikament kif ukoll tattikament.
U dik preżenti bħala kowċ ta’ Siġġiewi FC.
Bħala kowċ ta’ Siġġiewi FC, din l-esperjenza ġiet b’kumbinazzjoni wara li kelli esperjenza qasira mal-Minors bejn Jannar u Mejju 2024 bħala parti mill-istudji tiegħi għal UEFA ‘A’. Nixtieq nirringrazzja pubblikament lill-Head Coach tan-Nursery, David Mifsud, talli emmen fija mill-ewwel ġurnata. Illum, aħna flimkien ninsabu fit-tmexxija tat-tim tal-Kbar ta’ Siġġiewi.
Din hija esperjenza totalment ġdida għalija wara li qattajt 11-il sena nitharreġ fi ħdan l-istrutturi professjonali tal-MFA. Kelli x-xorti kbira li naħdem ma’ kull age group, mill-Under 21’s ‘l isfel. L-ikbar memorji tiegħi bla dubju huma dawk li ġejjin minn taħt it-tmexxija ta’ Silvio Vella, assistit minn Noel Turner, meta ksibna 11-il punt fl-Under 21’s. Dak iż-żmien kien sabiħ ħafna u tgħallimt ħafna.
L-għan tiegħi hu li matul dan il-perjodu, inkompli nitgħallem, inkabbar l-esperjenza tiegħi bħala kowċ, u nibni struttura ta’ kowċis kompetenti. Irrid ukoll nara li l-plejers ta’ dan it-tim ikomplu jitħarġu u jsiru plejers aħjar. L-esperjenza tiegħi bħala plejer tgħinni napplika l-għarfien li ksibt biex flimkien mal-kumitat ħabrieki nsaħħu l-istrutturi tal-klabb.
X’differenza hemm bejn li tkun plejer u kowċ?
Id-differenza hija kbira ħafna. Bħala plejer, kont jien li nista’ nagħmel id-differenza għax kont fil-ground nikkontribwixxi waqt il-logħba. Bħala kowċ, ir-rwol tiegħi hu li nassigura li l-messaġġi li nwassal ikunu ċari, biex il-plejers ikunu jistgħu jwettquhom fil-ground.
Kowċ tajjeb irid jiżgura wkoll li jipprepara taħriġ adegwat għall-plejers, li jkun diskuss u ppjanat flimkien mat-tim tekniku. Dan jagħmel il-proċess kollu aktar effettiv u ħolistiku.
X’inhuma t-tragwardi ta’ Siġġiewi FC għal dan l-istaġun?
Matul dan l-istaġun, il-miri tagħna huma li nkomplu nżidu l-kompetittività tat-tim u nassiguraw li r-riżorsi tagħna jintużaw b’mod effettiv. Irridu nkunu konxji tal-proċess ta’ żvilupp biex inġibu riżultati sostenibbli. L-għan hu li nsibu bilanċ bejn plejers żgħażagħ u oħrajn aktar maturi, biex inħeġġu t-talent lokali u nżommu livell għoli fil-logħob tagħna.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-futbol Malti żviluppa ħafna fl-aħħar għaxar snin. Il-kompetizzjonijiet saru aktar iebsa u dan grazzi għall-kowċis kwalifikati li jippreparaw sessjonijiet ta’ taħriġ impenjattivi. Fil-passat konna nilagħbu fuq ramel, filwaqt li llum kważi kulħadd għandu access għal pitches sintetici.
Madankollu, għad hemm bżonn li nkomplu ntejbu l-istandards tal-infrastruttura, l-edukazzjoni tal-plejers u l-motivazzjoni biex niftħu aktar opportunitajiet internazzjonali. Fid-dinja tal-lum, it-tfal tagħna qed jiffaċċjaw sfidi differenti minn dahri, għalhekk irridu nkunu aktar strateġiċi biex nilħquhom.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi / grawnds fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Bħala faċilitajiet tat-taħriġ tas-Siġġiewi, nistgħu niftaħru li għandna pitch full-size, u dan hu ta’ vantaġġ kbir. Barra minn hekk, bil-klabb jirnexxielu jassigura l-art tal-madwar, fis-snin li ġejjin jista’ jkun wieħed mill-aqwa kumplessi f’Malta. Naturalment, dan jinvolvi investiment finanzjarju kbir u huwa proġett ambizzjuż li jiehu z-zmien u l ħin tiegħu. Hemm bżonn ta’ investiment kontinwu fl-infrastruttura u l-kwalità tal-faċilitajiet. Għaldaqstant, il-manutenzjoni u l-upgrading tal-istadja taghna għandhom ikunu prijorità biex jgħinu fit-tisħiħ tal-kompetizzjonijiet lokali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jiena nemmen li l-preżent huwa l-pedament tal-futur. L-għan tiegħi hu li nkompli ngħin lill-klabb u nibqa’ nfassal il-futur tiegħu permezz tal-ħidma li qed nagħmel illum. Il-coaching qed jevolvi u għalhekk irrid nibqa’ nitgħallem u niżviluppa. Irrid nkompli nieħu ispirazzjoni kemm minn kollegi kif ukoll minn kowċis oħra. L-għan ewlieni hu li nsaħħaħ il-komunità kalċistika u ngħin liz-żgħażagħ isiru l-aqwa verżjoni tagħhom infushom.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Fil-futbol hemm ħafna rwoli differenti u kull wieħed huwa essenzjali għas-suċċess tat-tim. Irid ikollok paċenzja, dedikazzjoni u passjoni għax-xogħol tiegħek. Il-ħolm tiegħek jista’ jsir realtà jekk timpenja ruħek bis-serjeta u taħdem b’sinergija tajba. Il-futbol mhux biss għaċ-ċelebrazzjonijiet, imma wkoll jirrikjedi sagrifiċċji kbar il-bogħod mill-familja. Għalhekk, ibqa’ determinat sabiex għada tkun aħjar mil-lum!