Wednesday, November 12, 2025

“Ibqgħu fakkru l-imblokk” … Ix-xewqa li kien qasam magħna l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici

Aqra wkoll

Waħda mill-aktar affarijiet, jew aħjar ġrajjiet, importanti għall-eks Prim Ministru ta’ Malta Karmenu Mifsud Bonnici, kienet proprju dik li bħala poplu nibqgħu nfakkru l-imblokk. Il-mibki Karmenu li ta’ spiss kienn jiġi f’dak li kien l-uffiċċju tal-Editur ta’ IT-TORĊA, mal-ġurnalisti kien qasam xewqa minn tiegħu. Kien qalilna li, “f’Gunju hemm l-anniversarju ta’ meta sar l-imblokk tal-port mill-ħaddiema tat-Tarzna. Imblokk biex l-Ark Royal ma jidħolx. Hemm min ma jridx ifakkar dan. Nixtieq li tibdew tfakkruh kull sena”. 

Fil-fatt dakinhar konna ftehmna ma’ Karmenu Mifusd Bonnici li jsiru ammont ta intervisti. Konna tkellimna ma’ Mansueto, li llum ħalliena u kien wieħed mill-imħuħ. Konna intervistajna nies oħra wkoll. Saru l-intervisti u t-talba ta’ Karmenu min-naħa tagħna ġiet onorata.

Ta’ kull sena bqajna infakkru l-imblokk. Tajjeb li nsemmu wkoll li llum nibtet u għaddejja ħidma fuq xi ħaġa oħra biex din il-ġrajja tkompli titfakkar.

Dan il-politiku kbir li ħalliena ftit aktar minn tliet snin ilu u lbieraħ ġiet issiġillata l-memorja b’monument fl-unur tiegħu l-Belt Valletta. Dan kien il-bniedem li min jaf kemm għen u ddefenda nies… Kien jagħmel dan kollu senza interessi u min jaf kemm l-istess persuni qalulna li jkunu weħlu xi multa u għax ma jkollhomx flus jew għax kienu magħfusa, kien jispiċċa jħallashielhom huwa. Dak kien Karmenu Mifsud Bonnici – jiġġieled għal dak li kien jiemmen fih. 

Min jaf kemm qalilna “ibqgħu ġġieldu għal dak li temmnu fih basta konvinti li dak huwa t-tajjeb”.

Illum insellmu l-memorja tiegħu u nirringrazzjawh għal dak kollu li għamel kemm bħala politiku kif ukoll, jekk mhux aktar, bħala persuna ta’ qalb verament tajba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport