Il-President George Vella feraħ lil erbatax-il persuna li temmew b’suċċess il-programm residenzjali terapewtiku ta’ Caritas Malta u fakkarthom biex ma jaqtgħu qalbhom qatt u jibqgħu jiftakru minn xiex għaddew biex waslu s’hawn.
Waqt il-gradwazzjoni f’San Blas, il-President Vella qal li “intom erbatax-il storja differenti u f’kull waħda jispikka s-suċċess, il-kuraġġ u t-tama.” B’referenza għall-pass li wassal lill-gradwati biex jieħdu l-ewwel deċiżjoni li jibdew jieħdu l-kura f’wieħed miċ-ċentri tal-Caritas, il-President qal li r-reżiljenza u l-bidla li wettqu fl-aħħar sena u nofs huma tassew ammirevoli.
“Il-ħajja ta’ kulħadd hija mimlija sfidi u l-użu ta’ sustanzi li jwasslu għal dipendenzi hu eżempju ta’ kif uħud jaħsbu li se jsibu l-wens,” qal il-President waqt li sellem lill-ħaddiema kollha tal-Caritas li rrefera għalihom bħala t-tama u l-vera wens għal min hu dipendenti.
Il-President George Vella appella biex meta xi ħadd jiltaqa’ ma’ persuni b’dipendenzi, juri empatija, mogħdrija u jevita kliem ta’ disprezz. “Meta nneħħu l-istigma li sfortunatament għadha magħna, inkunu qed niżguraw li min ibati mid-dipendenza jħossu apprezzat u mifhum, mhux immaqdar jew insultat,” qal il-President Vella. Fid-diskors tiegħu, faħħar ir-rwol siewi tad-Dar Charles Miceli li issa ilha ħames snin tgħin lill-individwi li jkunu lestew jew waslu biex ilestu l-programm biex ma jerġgħux jaqgħu fid-dipendenza.
Dwar l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, il-President qal li din m’għandhiex tkun Awtorità tal-isem, imma Awtorità magħmula minn nies kompetenti li kapaċi jgħinu lill-awtoritajiet leġiżlattivi jbiddlu jew jaġġornaw il-liġi skont il-bżonn.
Il-President Vella ħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli biex jaraw li jsaħħu l-ħidma tagħhom favur il-ġustizzja soċjali u l-prevenzjoni mid-dipendenzi u għalhekk ma jiddejqux jieħdu deċiżjonijiet meħtieġa u f’waqthom kull meta jkun hemm bżonn.
“Din hija ġlieda kontra d-dipendenza mid-droga, mhux ġlieda kontra min jaqa’ vittma. Dawn huma ħutna li għandhom bżonn l-għajnuna, is-simpatija u l-imħabba tagħna lkoll,” stqarr il-President George Vella.