Monday, February 10, 2025

Ibrahim Traorè: L-eroj li qed isalva lil niesu

It-tieni l-iżgħar mexxej fid-dinja f’sentejn għamel “il-mirakli”… Jiddikjara li pajjiżu mhux se jibqa’ jkun sfruttat

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Afrika hija l-kontinent sinonimu ma’ faqar kbir. Fil-fatt in-nies, inklużi tfal, f’dan il-kontinent ilhom isofru l-ġuħ u nuqqas kbir fil-bżonnijiet essenzjali fosthom mediċini, residenzi diċenti u saħansitra ħwejjeġ għal għexieren ta’ snin. Pajjiżi u organizzazzjonijiet minn madwar id-dinja, inkluż Malta, regolarment jibagħtu għajnuna umanitarja. Però, fil-verità, dan il-kontinent huwa l-aktar kontinent sinjur fid-dinja fejn jidħlu r-risorżi naturali. Il-problema, minn dak li qiegħed joħroġ dan l-aħħar, huwa l-isfruttament ta’ dan il-kontinent minn pajjiżi barra mill-Afrika, b’mod partikolari wħud Ewropej.

L-art Afrika hija sinjura b’rikkezzi naturali vasti li jinkludu djamanti, deheb, żejt, minerali rari u art fertili. Minkejja dan ħafna nazzjonijiet Afrikani huma estremament foqra u sottożviluppati. Mentri, jekk dawn il-popli jkollhom jieħdu r-riedni f’idejhom u jużaw għalihom dak li n-natura tagħtihom, żgur li l-futur tagħhom ikun ferm aħjar. 

Wieħed mill-istati Afrikani qiegħed jagħmel proprju dan – Burkina Faso taħt it-tmexxija tal-Kaptan tal-armata u l-President interim Ibrahim Treorè. Dan għandu biss 36 sena u huwa t-tieni l-iżgħar mexxej fid-dinja. Minn mindu f’Settembru tal-2022 f’kolp ta’ stat Traorè neħħa u ħa post il-president interim Paul-Henri Sandaogo Damiba, dan ħa passi drastiċi meqjusa favur niesu tant li litteralment qiegħed jiġi kkonsidrat bħala “s-salvatur” u li “jagħmel il-mirakli”.

Suldat qalbieni li ħa r-riedni f’idejh

… Iwaqqaf l-isfruttament mill-barranin

F’indirizz televiżiv fl-1 ta’ Ottubryu 2022, Ibrahim Traore ħabbar li se jmexxi l-pajjiż wara li dawk li ppreċedewh fallew milli jikkontrollaw u jwaqqfu l-vjolenza fiż-żona flimkien ma’ affarijiet oħra. Deskritt bħalal suldat “qalbieni”, Traorè fl-età ta’ 26 sena ġie mlaqqam “Radio Omega” wara suċċess li kiseb f’operazzjoni militari kumplessa. Minn età pjuttost żgħira, dan il-persunaġġ wera kapaċijiet kbar ta’ tmexxija u l-istess qiegħed jagħmel issa li huwa l-President interim ta’ Burkina Faso.

Burkino Faso hija stat fil-Punent tal-Afrika li kien kolonja Franċiża u ħa l-indipendenza fl-1960 però, sakemm daħal fix-xena politika Traorè, dan l-istat kien għadu bi preżenza militari Franċiża, lingwa u użanzi Franċiżi u Ingliżi kif ukoll, hekk kif saħaq l-istess mexxej żagħżugħ, “sfruttat mill-barranin”. Il-kapitali hija Ouagadougou u l-popolazzjoni tlaħħaq it-23.6 miljun persuna b’medja ta’ tul ta’ ħajja sa 61 sena biss.  

“Il-ħolma Afrikana”

Il-miżuri li Traorè ħa f’dawn l-aħħar sentejn tat-tmexxija tiegħu huma varji. L-għan tiegħu huwa li pajjiżu jqum fuq saqajh, isir indipendenti bir-risorżi naturali tiegħu stess u li mill-flus li jiġġeneraw igawdi l-poplu ta’ Burkina Faso. Ħidmietu u l-attitudni tiegħu ġibdu l-attenzjoni ta’ ħafna u ntlaqgħu sew iżda fl-istess ħin urtaw lil xi wħud li kelhom interess personali. Dan b’mod speċjali lil Franza li “tilfet minn taħt idejha” lil Burkina Faso. 

Fil-fatt, minkejja li għad hemm vjolenza fiż-żona, mil-lat ekonomiku hemm prospetti pożittivi ħafna. Biss biss, Traorè wara li ddikjara li l-Afrika m’għandhiex bżonn il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), l-Ewropa u l-Amerika, huwa rrifjuta self ta’ flus għal pajjiżu. Dan kien pass kuraġġuż iżda meqjus riskjuż minn ekonomisti. 

Traorè f’dawn is-sentejn ta risposta hekk kif l-istrateġija tiegħu ħalliet frott mhux mistenni tant li l-politika tiegħu hija ttimbrata bħala “il-ħolma Amerikana”. Wieħed jibda biex jara żieda sostanzjali fil-Prodott Gross Domestiku (GDP) ta’ $3.3 biljun. Dan meta fl-istess ħin, Traorè ħallas id-djun lokali kollha ta’ Burikina Faso. F’mossa oħra, din id-darba favur il-ħaddiem iż-żgħir, huwa wasal biex naqqas sew il-pagi tal-ministri  u l-membri parlamentari tiegħu (30%) u minflok ta’ żieda ta’ xejn inqas minn 50% lill-ħaddiema taċ-ċivil.

Il-viżjoni ta’ Traorè hija stabbiltà u sigurtà għaċ-ċittadini kollha ta’ Burkina Faso. Iżda mhux biss. Barra li “keċċa” lill-imperjalisti Franċiżi huwa “ħassar” l-influwenza tagħhom billi pprojbixxa li fil-pajjiż ikun hemm operazzjonijiet militari mill-Franċiżi, keċċa lit-truppi Franċiżi kif ukoll ipprojbixxa kull tip ta’ xandir mill-midja Franċiża. Barra Franza, dan il-mexxej il-ġdid ried jelimina l-influwenza Brittannika f’pajjiżu wkoll. Kien għalhekk li pprojbixxa l-ilbies ta’ parrokki u togi Brittaniċi fil-qrati lokali. Minflok, fis-sistema legali huwa introduċa ilbies tradizzjonali tal-pajjiż.

Investiment qawwi lokali…

L-għan: indipendenza finanzjarja

F’ħidma kontinwa Traorè ħaseb ukoll għal investiment lokali qawwi b’għan ta’ indipendenza finanzjarja ta’ Burkina Faso. Fost l-ewwel miżuri li ħa huwa waqqaf l-esportazzjoni lejn l-Ewropa tad-deheb mhux raffinat ta’ Burkina Faso. Mossa li misset il-bwiet “tal-imperjalisti” u urtathom sew.

Imbagħad Traorè kompla billi stabbilixxa żewġ impjanti tal-ipproċessar tat-tadam, inawgura minjiera tad-deheb biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni lokali, bena t-tieni impjant tal-ipproċessar tal-qoton ta’ Burkina Faso u fetaħ l-ewwel Ċentru Nazzjonali ta’ Appoġġ għall-Ipproċessar Artiġjanali tal-Qoton. Dan il-mexxej huwa deċiż li jsaħħaħ is-settur agrikolu lokali u dan anke b’għajnuna diretta lill-bdiewa u lir-raħħala tiegħu. 

Fil-fatt il-President interim ta’ Burkina Faso diġà qassam mijiet ta’ trakkijiet u apparat ieħor flimkien ma’ żerriegħa biex jiżgura li jsaħħaħ il-qasam agrikolu għal produzzjoni lokali akbar. Grazzi għal dan l-investiment f’Burina Faso ġiet irreġistrata żieda qawwija fil-produzzjoni tat-tadam, taċ-ċereali u tar-ross. Iżda dan mhux biss. F’dawn is-sentejn Traorè ħa ħsieb ukoll li l-gvern tiegħu jibni toroq ġodda, iwessa’ dawk eżistenti u jtejjeb it-toroq taż-żrar. 

Fl-istess ħin qiegħed jinbena ajruport ġdid li huwa l-Ajruport ta’ Ouagadougou-Donsin li mistenni jitlesta sa din is-sena. Dan l-ajruport ġdid jingħad li se jkun jista’ jilqa’ u jimmaniġġja miljun passiġġieri fis-sena. 

Ħidma li tawgura tajjeb għal Burkina Faso

… Appoġġ u ammirazzjoni fil-midja soċjali

Għalkemm hemm tħassib li dan il-mexxej għadu ma sejjaħx l-elezzjonijiet kif qal li se jagħmel sa Lulju tas-sena l-oħra, ħidmietu tawgura tajjeb għall-futur ta’ Burkina Faso u ċ-ċittadini tiegħu. Tant huwa hekk li ċittadini minn stati oħra Afrikani, fosthom in-Niġerja, jixtiequ li l-mexxejja tagħhom jikkupjawh.

Ir-reazzjonijiet fuq il-midja soċjali għal dak li qiegħed jagħmel għal pajjiżu Traorè huma pożittivi ferm fejn fost il-ħafna kummenti jingħad li, ‘dan iż-żagħżugħ kemm ilu jmexxi f’sentejn għamel aktar minn dak li wħud mill-mexxejja Afrikani għamlu f’għexieren ta’ snin fil-poter’; ‘ma ninsewx li salva minn 18-il attentat ta’ assassinju. Dan juri kemm iridu b’saħħa jeħilsu minnu’; ‘jekk jogħġbok ifrex il-viżjoni tiegħek ma’ mexxejja ta’ stati oħra Afrikani ħalli jingħaqdu u jerġgħu jagħmlu l-Afrika b’saħħitha’, ‘dan huwa raġel kbir li  jrid jara lill-pajjiżu jikber’ u ‘tmexxija mill-aqwa… Mexxejja ta’ pajjiżi oħra Afrikani li qegħdin jinħbew wara d-demokrazija u qegħdin iċaħħdu lin-nazzjonijiet tagħhom żviluppp tant bżonnjuż ta’ tkabbir, innovazzjoni u soluzzjonijiet kreattivi, għandhom iwarrbu’.

B’kuntrast f’għajnejn pajjiżi oħra b’interessi, dan il-mexxej żagħżugħ, mhuwiex daqstant ammirat u maħbub, inkluż xi wħud mill-istess stati Afrikani. Minkejja dan Traorè għandu viżjoni għall-Afrika kollha u lest jaħdem ma’ dawk kollha li għandhom l-istess viżjoni. Prova ta’ dan hija li diġà għaqqad il-forzi mal-istati tan-Niġerja u l-Mali u saħansitra ħareġ mill-konfini biex bena relazzjoni bilaterali mar-Russja. 

Tajjeb li nsemmu li t-tliet stati Afrikani imsemmija kienu kollha taħt kolonja u issa huma mmexxija mill-militar. Fil-bidu ta’ din is-sena, b’mod uffiċjali, ħarġu mill-Economic Community of West African States (ECOWAS) biex jifformaw grupp għalihom. Pass li eluf ta’ ċittadini mit-tliet stati laqgħu bi ħġarhom tant li ħarġu fit-toroq biex jiċċelebraw u juru l-approvazzjoni tagħhom. 

Alleat ta’ żewġ stati oħra Afrikani u ma’ Putin

Fil-każ tal-kollaborazzjoni bejn Traorè u l-mexxej Russu Vladimir Putin, din ħarġet b’mod uffiċjali fuq livell internazzjonali f’Lulju tal-2023 meta Traorè, akkumpanjat minn 16-il mexxejja oħra ta’ stati Afrikani, mar St Petersbourg fir-Russja għas-Summit Russja-Afrika organizzat minn Putin stess. Hawn Traorè, b’kuntrast mal-mexxejja l-Afrikani libes ħwejjeġ militari b’messaġġ ċar li huwa ma jagħżilx li jgawdi l-lussu għalih u jħalli lil niesu bil-ġuħ. Dan barra li sar magħruf ukoll li dan il-viżjunarju lanqas jaċċetta li jitħallas ta’ mexxej ta’ pajjiż. Huwa rrapportat li baqa’ bl-istess paga ta’ kaptan tal-armata.

Fid-diskors tiegħu f’dan is-summit Traorè kien attakka mexxejja oħra Afrikani fejn iddikjara li, “il-problema hija li naraw mexxejja ta’ stati Afrikani, li ma jagħtu xejn lill-popli tagħhom fil-bżonn, jirrepetu r-retorika tal-imperjalisti li jsejħulna milizja. Bħala riżultat dawn jispiċċaw jirreferu għalina bħala persuni li ma nirrispettawx id-drittijiet umani… Aħna l-mexxejja Afrikani hemm bżonn li nieqfu nkunu pupazzi li niżfnu kull darba li l-imperjalisti jiġbdulna l-ħabel”. 

Għal dan id-diskors Traorè rċieva appllaws kbir u deher quddiem id-dinja bħala s-suldat Afrikan li mhux se jbaxxi rasu għall-ħakma tal-imperjalista. Minfok dan se jqum, kif diġà għamel, għal pajjiżu u għal niesu. Maż-żmien naraw jekk il-viżjoni u l-istrateġiji tiegħu, kif ħafna Afrikani qegħdin jittamaw, jirnexxux u jkomplu jħallu l-frott ekonomiku u soċjali f’Burkina Faso. 

F’sentejn Ibrahim Traorè diġà għamel ħafna. Ħafna aktar minn mexxejja oħra mhux biss Afrikani imma minn xi mexxejja madwar id-dinja. Iż-żmien jagħti parir…

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport