Wednesday, December 25, 2024

Iċ-ċans hu li l-Kamra tagħżel lil Trump biex iservi bħala President

… jekk dan ix-xenarju jiġri, il-kostituzzjoni Amerikana taqla’ daqqa sew

Aqra wkoll

Kandidat Presidenzjali għandu bżonn 270 vot elettorali biex isir President tal-Istati Uniti. Skont il-forecase ta’ The Economist, li għadu kemm ġie aġġornat bl-aħħar data, bħalissa kull kandidat għandu 269 vot elettorali. Għalkemm hija xi ħaġa diffiċli ħafna li dan ix-xenarju jiġri, xorta waħda huwa possibli. Għaldaqstant x’jiġri jekk l-ebda kandidat ma jilħaq il-270 vot elettorali?

F’dak il-każ, il-President jintgħażel mill-Kamra tar-Rappreżentanti, filwaqt li l-Viċi President jintgħażel mis-Senat. Din diġa ġrat fil-passat, għalkemm aktar minn 200 sena ilu, speċifikament fis-sena 1800 u fl-1826.

Fil-Kamra tar-Rappreżentanti, kull delegazzjoni minn kull stat ikollha vot – u mhux kull rappreżentant. Għaldaqstant, kandidat irid iġib il-voti ta’ 26 minn 50 delegazzjoni fil-Kamra, biex isir President. Ir-Repubblikani bħalissa jikkontrollaw l-akbar ammont ta’ delegazzjonijiet fil-Kamra, u ċ-ċans huwa li jibqgħu jikkontrollaw l-akbar numru ta’ delegazzjonijiet wara l-elezzjonijiet tal-ġimgħa d-dieħla. 

Għaldaqstant, iċ-ċans hu li l-Kamra tagħżel lil Trump biex iservi bħala President jekk l-ebda kandidat ma’ jilħaq 270 vot. Dan anke jekk il-Partit Demokratiku għandu ċans kbir li jerġa jkollhu maġġoranza ta’ rappreżentanti (membri) fil-Kamra.

Fis-Senat umbagħad, kull senatur ikollhu vot. Skont l-aħħar data, ir-Repubblikani għandhom l-aktar ċans li jkollhom l-aktar voti fis-senat wara l-elezzjonijiet tal-ġimgħa d-dieħla, u għaldaqtant, JD Vance ikollhu l-aktar ċans li jsir Viċi President f’Jannar, għalkemm jista’ jiġri kollox.

Teoretikament, hemm possibilta’ wkoll li jkollok Presidenza magħmula minn Harris u Vance, jew Trump u Walz (jiġifieri Demokratiku u Repubblikan li jservu fl-istess amministrazzjoni), għalkemm din hija xenarju li huwa diffiċli biex jiġri.

Jekk dan ix-xenarju jiġri, il-kostituzzjoni Amerikana taqla’ daqqa sew. Il-mistoqsija hi jekk l-istess kostituzzjoni tkunx kapaċi iżżomm fil-konfront ta’ xenarji li huma diffiċli li jiġu aċċettati fis-seklu 21.

Ekonomija

Sport