Charles Polidano magħruf bħala ċ-Ċaqnu qal li llum għadda dokumetazzjoni lill-pulizija fejn irribatta kull allegazzjoni ta’ mġiba mhux xierqa minnu jew minn ibnu Gordon Polidano dwar negozju ma’ Malta Freeport Terminals.
Fi stqarrija, kelliem għas-Sur Polidano qal li huwa ma ġie akkużat bl-ebda reat u li qed jikkopera fl-investigazzjonijiet tal-pulizija sabiex eventwalment titnaddaf ir-reputazzjoni tiegħu minn dawn l-akkużi miġjuba kontrih.
Is-Sur Polidano flimkien ma’ ibnu Gordon mistennija li jkomplu juru l-innoċenza tagħhom bl-għajnuna tal-avukati tagħhom. Il-kelliem tal-kumpanija kompla jgħid kif Polidano wettaq xogħol infrastrutturali ewlieni fil-Malta Freeport għall-aktar minn 40 sena ilu u li dan kien dejjem tal-ogħla kwalità
Il-kelliem tal-kumpanija għalaq din l-istqarrija billi qal li f’dawn l-aħħar snin, din ma kinitx l-ewwel darba li l-kumpanija kienet soġġetta għaliha iżda dan mhux se jwaqqaf milli tkompli bin-negozju tagħha.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar Charles Polidano flimkien ma’ ibnu Gordon Polidano ġew interrogati fuq suspett ta’ allegat ħasil ta’ flus u korruzzjoni.
Rapporti lokali kienu qalu li Polidano kien interrogat mill-Pulizija tat-Taqsima tar-Reati Finanzjarji, l-FCID, dwar suspett li seta’ kkorrompa uffiċjal għoli f’entità kbira rigward allegat bejgħ ta’ proprjetà.