Friday, November 22, 2024

Iċ-“ċavetta” għall-ftuħ ta’ dar ġdida għall-persuni b’diżabilità

Maratona ta’ ġbir ta’ fondi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fix-xhur li ġejjin Dun Anġ Seychell, li llum il-ġurnata għandu l-età sabiħa ta’ 90 sena u għadu luċidu, se jipprova jilħaq mira oħra importanti fil-vjaġġ ta’ ħajtu li ddedikaha għall-persuni b’diżabilità.

Din il-mira hija li tingħata l-ħajja dar ġdida li ngħatat l-isem ta’ “San Franġisk”. Din id-dar ingħatat b’donazzjonli lill-Fondazzjoni Nazareth minn saċerdot ieħor Żejtuni, Dun Frans Mifsud flimkien ma’ oħtu Mary Russel u se tkun il-wens għal 12-il persuna oħra b’diżabilità. Biex din id-dar ġdida tkun tista’ tiftaħ il-bibien tagħha, il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi tal-Ħadd li ġej hija ċ-“ċavetta”.

F’intervista ma’ L-ORIZZONT, Dun Anġ qalilna li hawn domanda biex persuni b’diżabilità jidħlu jgħixu f’waħda mid-djar li toffri l-Fondazzjoni Nazareth. “Nemmnu fid-djar żgħar għax in-nies fil-verità hekk huma mdorrijin jgħixu u mhux li jkunu istituzzjonalizzati, Wasalna fit-tielet dar u rridu niftħu oħra. L-ewwel waħda nfetħet aktar minn 20 sena ilu u hemm residenti li litteralment trabbew magħna,” beda jispjega dan is-saċerdot li għandu wkoll imħabba kbira għall-kotba.

Dun Anġ ilu qassis mill-1956 u dejjem għex iż-Żejtun. Huwa minn dejjem kellu s-sejħa li jgħin lill-persuni b’diżabilità fejn speċifika li, “dejjem kont inħobb il-fqir u għalija dawn il-persuni huma l-aktar nies li għandi nieħu ħsieb. Minn qalbi tajthom dari u kuntent ħafna li llum il-ġurnata ngħix magħhom. Ma jiddispjaċini xejn li tajthom id-dar tiegħi”.

Qabel kienu jinżammu jew fi djar tax-xjuħ jew f’Monte Carmeli…

Filwaqt li kieku ried, Dun Anġ seta’ mar jgħix f’dar tal-Kleru f’B’Kara, huwa għażel li jaqsam il-ħajja tiegħu ma’ persuni b’diżabilità. L-ewwel dar li nfetħet mill-Fondazzjoni fil-fatt kienet tiegħu li taha f’ġest nobbli wara ftehim ma’ ħutu biex iżomm din id-dar.

“Qabel il-persuni b’diżabilità kont issibhom fid-djar tax-xjuħ jew f’Monte Carmeli. Imbagħad ġie Monsinjur Azzopardi li ddeċieda li jieħu ħsiebhom u fetaħ Dar il-Provvidenza. Din kienet waħda mill-akbar affarijiet li għamlet il-Knisja għal dawn in-nies għax qabel kienu verament traskurati. B’dan il-mod, il-Knisja ħadet ħsieb li jkollha post adattat u xieraq għalihom. F’din id-dar illum il-ġurnata hemm aktar minn 100 residenti,” kompla dan is-saċerdot.

Dun Anġ filw aqt li kkonferma sussidju mill_Gvern, “liema sussidju jagħmel sens għall-fatt li kieku l-ispejjeż għall-Istat ikunu ferm aktar”, stqarr li hemm bżonn ta’ aktar għajnuna finanzjarja lill-Fondazzjoni. Dan minħabba li fi tlett idjar li għandhom bi 30 persuna b’diżabilità, ta’ kuljum għandhom sitt impjegati full time f’kull xift ta’ 12-il siegħa xi jħallsu – tnejn f’kull waħda.

Illum il-ħaddiema jgħoddu 33 persuna għax magħhom għandhom ukoll ħaddiema tal-manutenzjoni li jaqduhom ukoll fil-qadi tagħhom u l-appuntamenti li jkollhom, kif ukoll ħaddiema oħra li jagħtu Occupational Therapy lir-residenti. Dan barra spejjeż oħra fosthom ta’ kura ta’ saħħa fiżika li tinkludi viżti għand speċjalisti, tobba, kif ukoll bżonnijiet ta’ kuljum bħal xiri ta’ ikel u ħlas ta’ kontijiet.

Hawn huwa qal li, “tajjeb li ngħidu li persuni b’diżabilità dejjem kien hawn imma issa sirna aktar konxji tal-eżistenza tagħhom u tal-bżonnijiet li għandhom. Kont immur fid-djar tax-xjuħ u Monte Carmeli biex nara u kont noħroġhom minn hemm. Għandi wħud minnhom li għadhom jgħixu miegħi sal-ġurnata tal-lum”.

Min huwa Dun Anġ Seychell?

Is-saċerdot Żejtuni “missier” il-persuni b’diżabilità…

Meta wieħed issemmi l-isem Dun Anġ Seychell mill-ewwel jiġih f’moħħu s-saċerdot Żejtuni li ta dak kollu li kellu biex persuni b’diżabbilità fiżika u/jew intelletwalli llum jgħixu fid-djar kommunitarji fil-qalba tar-raħal taż-Żejtun.

28 sena ilu s-saċerdot li għal uħud kien wasal biex jirtira u joqgħod kwiet ġo daru jgawdi l-kumplament ta’ ħajtu, kien ħolom li jibda missjoni ġdida – dik li persuni b’diżabilItà li ma jkollhomx min jindukrahom għal raġunijiet differenti, jinġabru jgħixu f’daru. Il-bidu ta’ Fondazzjoni Nazareth taf it-twaqqif tagħha f’dar tipika Maltija li Dun Anġ twieled u trabba fiha. Mal-milja taż-żmien din id-dar ħadet suriet differenti għall-użu tal-mument.

Meta d-dvalja tal-karti ħaditlu n-nar…

Min età żgħira Dun Anġ wera x-xewqa li jingħata għall-ħajja vokazzjonali u saċerdotali. Irrakontalna kif darba, meta kien żgħir, kien qiegħed jilgħab b’artal tal-injam fit-taraġ liebes dvalja tal-karti b’toqba f’nofsha minflok pjaneta tal-qassisin bl-artal bix-xemgħat jixegħlu.

Dun Anġ dar biex taparsi jesponi s-Sagrament u d-dvalja tal-karti ħaditlu n-nar minn waħda mix-xemgħat. Illum bid-daħka fuq wiċċu jgħid li, “mn’Alla kienet iz-zija li tefgħetni fl-art u rrumblatni biex tfitli n-nar għax kieku l-istorja llum hija waħda differenti”.

Dun Anġ ilu saċerdot għal aktar minn 68 sena u tul ħajtu dejjem kien mogħti għal ħaddieħor. Iż-Żwieten jgħidu li żżewweġ nofs ir-raħal u li huwa bniedem rett ħafna. Lura fis-sebgħinijiet kien fetaħ il-fergħa taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara fiż-Żejtun. Huwa kien ġabar flus biżżejjed biex inxtrat l-art u ġabar ukoll biżżejjed biex minn karma f’nofs ġardina bena binja ta’ tliet sulari ħalli ż-żgħażagħ ikollom fejn jingħataw il-formazzjoni.

Ma setax jibqa’ passiv

Lura fis-sena 1995, wara ftit li miet missieru, Dun Anġ spiċċa jgħix ġo dar imdaqqsa mdawwar bil-kotba u tifkiriet ta’ aktar minn 60 sena. Dak iż-żmien ukoll Dun Anġ kien ilaqqa’ grupp ta’ familji nsara għall-formazzjoni li tawh l-ewwel palata biex fetaħ l-ewwel dar.

Fis-sena 1995 Dun Anġ qatt ma kellu l-ħsieb li apparti d-dar tiegħu jkun qiegħed jiftaħ djar oħra. Kollox beda meta ħafna nies li kienu jsibu l-komfort fil-kelma tas-saċerdot kienu jmorru juru l-inkwiet tagħhom min se jkun qiegħed jieħu ħsieb uliedhom meta huma jiġu neqsin. Dawn il-ħafna żjarat fid-dar ta’ Dun Anġ bdew jinkwetawh tant li ma setax jibqa’ passiv quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn.

Kien hawn li Dun Anġ iddeċieda li jdur ir-raħal taż-Żejtun bieb bieb għand kull min kien jaf li kellu persuna b’diżabilità ħalli jitkellem mal-ġenituri u qraba biex jifhem aktar il-preokupazzjoni tagħhom.

Wara dan l-eżerċizzju beda jaħseb kif jista’ jkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor u hawn iddeċieda li jibda jieħu ħsieb persuni b’diżabilità li l-ġenituri tagħhom ma kienux għadhom jifilħu jindukrawhom.

Il-ftuħ tal-ewwel dar

Dun Anġ kien ħolom ħolma li daru tkun dar ħaddieħor imma d-dar li kien jgħix fiha kellhom sehem minnha ħutu wkoll. Dun Anġ qal li, “aktar domna biex sibna ġurnata komuni biex niltaqgħu t-tliet aħwa flimkien milli biex ftehmna”.

Fil-laqgħa tagħhom is-saċerdot kien issuġerixxa li mill-wirt tal-ġenituri tiegħu huwa jieħu d-dar li trabba fiha biex fiha jkun jista’ jibda jagħti kura, ħarsien u dinjità lill-persuni b’diżabilità fiżika u intelletwali. Dan is-suġġeriment ġie mifhum u ntlaqa’ tajjeb minn ħutu tant li qablu ma’ ħuhom.

Nhar it-8 ta’ Settembru tal-1995 fi Triq Santu Wistin iż-Żejtun, Dun Anġ flimkien ma’ għadd ta’ saċerdoti kien ikkonċelebra quddiesa li għaliha kienu attendew mijiet ta’ nies. Dakinhar kien laqa’ fid-dar tiegħu l-ewwel erba’ persuni. Din il-familja addottiva issa riedet min jieħu ħsiebha. Dun Anġ kien jintrabat ma’ familji li jmorru jgħixu fl-istess dar għal sentejn biex iwettqu missjoni f’pajjiżna stess u jieħdu ħsieb dawn ħutna.

Il-kelma ġriet ma’ Malta kollha u l-kunċett ta’ djar żgħar fil-komunità kien intgħoġob ħafna. In-nies bdew imorru għand Dun Anġ minn madwar Malta kollha jitolbuh biex idaħħlu lil qrabathom u saħansitra wliedhom fid-dar tiegħu, biex hekk ikunu jistgħu jserħu moħħhom li meta huma ma jkunux jifilħu aktar huma jew meta jmutu, ikun hemm min jibqa’ jieħu ħsiebhom.

Hekk id-dar bdiet tikber fin-numru tagħha u telgħet għal disa’ persuni. In-nies baqgħu jiġu minn kullimkien biex idaħħlu lil uliedhom jgħixu ma’ Dun Anġ imma d-dar, kienet limitata. Il-provvidenza t’Alla ma naqset qatt u l-għajnuna bdiet tasal mingħand ħafna nies. Il-volontiera bdew imorru jgħinu bil-gżuż u hawn beda jinbet il-kunċett ta’ kumitat li jmexxi.

Ħafna koppji li kienu jattendu l-laqghat ta’ formazzjoni tal-familja bdew jagħtu ħafna minn ħinhom b’uħud minnhom sal-ġurnata tal-lum u bdew huma wkoll jaħsbu biex min jitlob akkomodazzjoni, tingħatalu. Bil-ħidma ta’ jdejhom u ta’ qalbhom bnew fuq dak li kien beda Dun Anġ u ftit wara waqfu l-Fondazzjoni Nazareth b’Dun Anġ jagħti b’donazzjoni d-dar li twieled u għex fiha b’kuntratt iffirmat nhar l-1 ta’ Lulju, 2000.

Wara Dar Nazareth, Fondazzjoni Nazareth fetħet ukoll żewgt idjar oħra li fihom jilqgħu 20 persuna oħra biex hekk il-familja adottiva ta’ Dun Anġ issa kibret għal 30 residenti li ġejjin minn madwar Malta kollha.

“Jien għalhekk ngħix”

Dun Anġ qalilna li fid-djar tal-Fondazzjoni ma jistgħux jilqgħu persuni taħt il-15-il sena u minħabba li hemm domanda ta’ aktar residenti, il-ftuħ tad-dar “San Franġisk” huwa ta’ importanza kbira. Minħabba dak kollu li jirrikjedu bħala tmexxija t-tlett idjar diġà eżistenti u l-ftuħ ta’ oħra ġdida, il-ġbir ta’ fondi huma vitali.

Is-suċċess tal-materjalizzazzjoni u l-andament tagħhom huwa importanti kemm għal dan is-saċerdot, għall-persuni b’diżabilità li se jsibu saqaf fuq rashom f’ambjent ta’ familja, kif ukoll għall-qraba tagħhom li jridu jserrħu moħħhom li l-għeżież tagħhom se jkunu f’idejn tajba.

Min-naħa tiegħu Dun Anġ temm din l-intervista billi saħaq li lill-persuni b’diżabilità mhux biss għandna x’nagħtuhom imma għandna x’nitgħallmu minn għandhom. “Jgħallmuna naqsmu ma’ ħaddieħor u l-ferħ kbir li jirrifletti f’wiċċhom bi tbissima li ssaħrek anke għall-inqas affarijiet hija imprezzabbli. Inħoss li jħobbuni u li għandhom fiduċja kbira fija. Dawn huma nies bħal ħaddieħor u għandna ngħadruhom u ngħinuhom fid-diffikultajiet tagħhom. Jien għalhekk ngħix”.

Sport