Wednesday, January 28, 2026

Iċ-Ċentri għall-Anzjanita Attività fil-komunità qed ikomplu jespandu u jissaħħu

Aqra wkoll

Illum, fid-diskors tiegħu ġewwa l-Parlament, l-Onor. Malcolm Paul Agius Galea sostna li ċ-Ċentri għall-Anzjanita Attività fil-Komunità qed ikomplu jespandu u jissaħħu sabiex ikomplu jipprovdu servizzi moderni u ta’ kwalità għolja lill-persuni anzjani f’Malta. Huwa spjega li l-programmi offruti fiċ-ċentri jindirizzaw id-dimensjonijiet fiżiċi, emozzjonali, intellettwali u soċjali tal-benessri tal-anzjani, bil-għan li dawn jgħixu ħajja indipendenti, b’saħħithom u b’parteċipazzjoni attiva fil-komunità.

Fost dawn semma Sport Adult, li joffri attività fiżika adattata għall-kapaċitajiet varji tal-anzjani; “Nibqgħu Attivi” mill-Allied Health Practitioners, li tiffoka fuq movimenti funzjonali u prattiċi li jsaħħu l-mobilità u l-indipendenza; u “Let’s Move Malta”, programm ta’ sessjonijiet akwatiċi mis-Sports Promotion Unit li jtejjeb il-mobilità tal-ġogi u l-bilanċ permezz ta’ attività fil-pixxina.

Huwa semma wkoll it-taħriġ IT ma’ FITA li jgħin lill-anzjani jiżviluppaw ħiliet diġitali, kif ukoll il-programm “ICT u Saħħa Mentali” tal-Willingness Hub li jindirizza suġġetti relatati mas-saħħa mentali, ir-reżiljenza emozzjonali u l-benessri fl-età avvanzata.

Agius Galea fakkar li bħalissa hemm 35 ċentru madwar Malta, u fl-aħħar sentejn ġew inawgurati ħames ċentri ġodda: ġewwa l-Belt Valletta, Marsa, Isla, Fgura u Ħal Tarxien, li kollha qed jaqdu b’mod effettiv il-bżonnijiet tal-anzjani fil-komunità. Madwar 3,100 anzjan jagħmlu użu regolari mis-servizzi taċ-ċentri.

Huwa ħabbar ukoll li dalwaqt se jinfetaħ ċentru ġdid fir-Rabat, li nistenni jiftaħ fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar. Dan se jkompli jsaħħaħ l-għoti ta’ servizzi fil-lokalità u fil-madwar. Barra minn hekk, se jkun imiss li ċ-ċentru tal-anzjani ġewwa Ħad-Dingli jingħata dehra u servizzi mtejba. Il-pjanijiet jinkludu wkoll mill-inqas żewġ ċentri ġodda, wieħed ġewwa Ħaż-Żabbar u ieħor ġewwa l-Ibraġġ, li mistennija jwasslu n-numru totali taċ-ċentri għal 40 sal-aħħar tal-2026.

Agius Galea żied jgħid li id-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla qed timxi ’l quddiem b’ritmu mgħaġġel, u se tkun dar tal-anzjani state-of-the-art, mgħammra b’faċilitajiet moderni ta’ livell għoli. Din id-dar se tinkludi wkoll pixxina li tkun disponibbli kemm għar-residenti kif ukoll għan-nies tal-madwar, sabiex toffri benefiċċju usa’ għall-komunità kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport