Sunday, December 29, 2024

“Iċ-ċentri kienu ffullati u ma kinux lesti jilqgħu dak in-numru kbir ta’ nies”

Il-Ministru Byron Camilleri

Aqra wkoll

Fil-kawża li fetħu numru ta’ immigranti li kienu nżammu fuq il-baħar waqt il-pandemija xehed ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, li fakkar ukoll li dak iż-żmien konna għaddejjin minn pandemija u bħala Gvern kellhom jittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet fil-ġimgħa.

Huwa qal li fost l-akbar sfidi li kellu l-Gvern kien hemm dik tal-immigrazzjoni irregolari. Qal ukoll li l-2019 kienet sena rekord f’dak li huma wasliet ta’ immigranti irregolari u l-ewwel ftit xhur tal-2020 kellna wkoll rekord ta’ wasliet.

“Filwaqt li kellna l-obbligu li nipproteġu s-soċjetà fi żmien ta’ pandemija, kellna dik l-uġigħ ta’ ras. Iċ-ċentri, kemm dawk miftuħa u anke dawk magħluqa, kienu ffullati u ma kinux lesti li jilqgħu għal dak in-numru kbir ta’ persuni.”

Il-Ministru Camilleri żied jenfasizza li l-immigranti li kienu nżammu fuq il-baħar waqt il-pandemija ngħataw dak kollu li kellhom bżonn bħala provvisti fosthom ikel, xorb, servizzi mediċi u anke sigaretti. “Rajna li dawn il-persuni jingħataw dan kollu sakemm jgħaddi żmien biżżejjed sakemm jistgħu jidħlu l-art kif fil-fatt ġara.”

Huwa semma li n-nisa u tfal għax meqjusa vulnerabbli ma kinux tpoġġew fuq il-vapuri. Qal ukoll li kull min kellu xi mard mhux biss ingħata trattament iżda ġie wkoll trasferit mal-ewwel fuq l-art.

Huwa żied jispjega li filwaqt li dawn l-immigranti kienu qed jistennew fuq il-vapuri sabiex meta jiġihom iċ-ċans tagħhom jidħlu, il-Gvern ma qgħadx b’idejh fuq żaqqu iżda ħadem ma’ pajjiżi oħra biex dawn ikunu rilokati.

Il-Ministru Camilleri tenna jgħid li jinsab infurmat li dawn l-immigranti kollha kemm huma kienu applikaw għall-ażil meta kienu daħlu f’pajjiżna.

Il-kawża qiegħda tinstema’ quddiem l-Imħallef Toni Abela.

Għall-immigranti qed jidhru l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem u d-Direttur tal-fondazzjoni Aditus Neil Falzon, l-Assistent Direttur tal-Aditus Carla Camilleri u l-Avukati Mireille Boffa, Cedric Mifsud u Katrine Camilleri.

L-Avukat tal-Istat Chris Soler assista lill-Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern.

Ekonomija

Sport