Spiss jiġri li żoni pittoreski f’pajjiżna jispiċċaw imħassra minn skart li jintrema’. Hi xena mhux daqstant rari li naraw madum jew materjal ieħor ta’ kostruzzjoni minn xogħlijiet minuri fid-djar li qegħdin ikunu mormija f’żoni fil-kampanja. Il-mistoqsija hi għaliex qed iseħħ dan?
talk.mt tkellmet mal-WasteServ u staqsejnihom dwar x’inhi r-raġuni għaliex vannijiet bi branding mhux jitħallew jidħlu f’ċentri li jinġabar l-iskart immexxija mill-istess WasteServ. Staqsejnihom jekk dan hux iwassal biex xi wħud b’mod irresponsabbli qegħdin jagħżlu li jarmu l-iskart fil-kampanja u f’żoni bogħod mill-għajnejn tan-nies.
Xeni simili iltaqa’ magħhom il-fotografu tagħna Roger Azzopardi f’Wied il-Qlejgħa. Wied mimli ħajja wara l-ammont ta’ xita li għamlet. Wied imma li partijiet minnu kien imħassar minn rimi ta’ skart bħal madum.
Tkellimna mal-WasteServ rigward ilmenti ma jaqtgħu xejn ta’ persuni li kienu qegħdin jitwaqqfu milli jħobbu materjal fiċ-ċentri tal-iskart goff tal-WasteServ u dan minħabba li fuq il-vannijiet ikun hemm reklam jew xi tip ta’ ‘branding’.
Il-WasteServ iddikjaraw li “ċ-Ċentri għall-Iskart Goff jaċċettaw biss skart domestiku, jiġifieri skart li ġej mid-djar: mill-pubbliku ġenerali. Għaldaqstant, dawn iċ-ċentri mhumiex għall-kumpaniji privati, iżda għar-residenti. Għalhekk li vetturi ‘bi branding’ mhux qed jitħallew jiddisponu mill-iskart hemmhekk. Kumpaniji privati jew entitajiet kummerċjali huma obbligati li jħallsu għas-servizz biex jiddisponu mill-iskart.
B’dan il-mod qed naraw li nnaqqsu l-abbużi. Ċertu setturi għandhom ukoll l-obbligu li jqabbdu kuntrattur privat biex jiġbor l-iskart hekk kif meħtieġ bil-liġi. Entitajiet kummerċjali huma mistiedna jżuru s-sit ta’ WasteServ għal aktar informazzjoni fuq is-servizzi offruti lilhom”.
Il-WasteServ qaltilna ukoll li “kif tħabbar f’Ottubru li għadda, mill-bidu ta’ din is-sena bdiet tapplika sistema riveduta ta’ gate fees differenzjati għas-settur kummerċjali. Din il-miżura hija maħsuba sabiex is-settur ikun inċentivat jissepara l-iskart.
Il-pass li jmiss hija s-separazzjoni mandatorja. Dawk l-operaturi li jisseparaw l-iskart kummerċjali tagħhom ser ikunu qed jiffrankaw il-flus meta jidħlu jarmu fil-faċilitajiet ta’ WasteServ. Dan qed isir sabiex Malta tkompli miexja ‘l quddiem fil-miri ambjentali tagħha”.
Mistoqsijin dwar rimi ta’ skart fil-kampanja li għadna naraw ta’ spiss, il-WasteServ qaltilna li “tajjeb li nfakkru li, kemm rimi ta’ skart fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff għar-residenti u anke s-servizz tal-ġbir tal-iskart goff offrut mill-Kunsilli Lokali rispettivi huma servizzi bla ħlas li r-residenti kollha jistgħu jagħmlu użu minnhom. Għalhekk l-ebda resident m’għandu għalfejn jarmi fil-kampanja. Ta’ min wieħed jirrimarka li hija r-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna li nibżgħu għall-ambjent li ngħixu fih u ma narmux barra, anke b’rispett lejn xulxin.”
Mhux minnu li ta’ twissija lill-ħaddiema qed tinqatgħalhom ġurnata paga
Għal allegazzjoni li kien hemm min beda jgħid li jekk ħaddiema jingħataw twissija tinqatgħalhom ġurnata paga, il-WasteServ ċaħdet dan kompletament u ddikjarat li “m’huwiex minnu li meta ħaddiem tingħatalu twissija titnaqqaslu ġurnata paga. Minbarra li hija kontra l-ligi, twissija tingħata biex l-impjegat jirranġa l-imġieba, l-azzjoni jew il-prestazzjoni tiegħu u hija biss twissija mingħajr riperkussjonijiet finanzjarji.”