Iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva f’Bormla se jkun qed jestendi s-servizz tiegħu biex jibda jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn is-7:00 ta’ filgħodu u t-3:00 ta’ wara nofsinhar. Din l-estensjoni qed issir b’rispons għall-interess li qed jintwera mill-anzjani tal-komunità, sabiex ikollhom aktar opportunitajiet biex jibqgħu attivi, jissoċjalizzaw u jkomplu jitgħallmu.
Waqt żjara fiċ-Ċentru, l-Onor Dr Deo Debattista, Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, iltaqa’ mal-anzjani li jattendu ċ-Ċentru u spjegalhom kif l-estensjoni tal-ġranet tal-ftuħ se tkun ta’ benefiċċju għalihom fil-ħajja ta’ kuljum.
“Meta niftħu l-bibien ta’ ċentru għal aktar ġranet, inkunu qed niftħu wkoll aktar opportunitajiet għall-anzjani tagħna. Opportunitajiet biex joħorġu mid-dar, jiltaqgħu ma’ sħabhom, jitgħallmu xi ħaġa ġdida u, fuq kollox, iħossuhom parti attiva mis-soċjetà. Għalina, l-anzjanità attiva mhijiex sempliċement servizz, iżda investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni anzjani,” sostna l-Onor Dr Deo Debattista.
Permezz ta’ din l-estensjoni, iċ-Ċentru se jkompli joffri attivitajiet edukattivi, kulturali u soċjali, fosthom eżerċizzju fiżiku, xogħol manwali, taħditiet dwar is-saħħa u servizzi pubbliċi, kif ukoll ħarġiet kulturali. Kull nhar ta’ Ġimgħa se jibdew isiru wkoll sessjonijiet tal-Università tat-Tielet Età. Dawk li ma jattendux għal dawn is-sessjonijiet xorta se jkunu jistgħu jagħmlu użu miċ-Ċentru bħas-soltu.
L-Onor Dr Deo Debattista rringrazzja lill-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Steve Agius, u lit-tim tiegħu għall-ħidma biex din l-estensjoni ssir realtà, filwaqt li enfasizza l-importanza li s-servizzi jiġu adattati skont il-ħtiġijiet tal-anzjani.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Dr Steve Agius qal: “Din l-estensjoni hija riżultat dirett ta’ dak li qalulna l-anzjani nfushom. Aħna nemmnu li l-aqwa servizzi jinbnew billi nisimgħu lil dawk li jagħmlu użu minnhom. Għalhekk, qed inwieġbu għal din ix-xewqa b’aktar ġranet ta’ attivitajiet, tagħlim u opportunitajiet ta’ soċjalizzazzjoni.”
Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Gvern li jipprovdi servizzi aċċessibbli u qrib il-komunità, filwaqt li jħeġġeġ lill-anzjani jibqgħu involuti u attivi.
Għal aktar informazzjoni dwar iċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u servizzi oħra, il-pubbliku jista’ jċempel liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900, iżur is-sit aacc.gov.mt jew iċempel fuq il-freephone 153 (Ext. 12).
