Friday, December 13, 2024

Iċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran se jibda jilqa’ l-pazjenti minn din il-ġimgħa

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal Ġdid se jibda jilqa’ l-pazjenti minn din il-ġimgħa stess wara li diġà ġie installat MRI Scanner. Fl-istess waqt, ġie installat ukoll CT Scanner portabbli ġdid fl-Isptar ta’ Għawdex u mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla dan se jibda joffri servizz. Dan sakemm titħejja sala ġdida għal CT Scanner ġdid permanenti li se jkun lesta għall-pazjenti f’Jannar li ġej. 

Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela meta kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget 2025 għall-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli. 

Il-Ministru Abela beda biex qal li għandna l-ideat u mgħammrin b’budget rekord ta’ biljun u nofs ewro (elf u ħames mitt miljun ewro). Kif inhu xieraq il-pagi dedikati għall-impjegati jagħmlu parti kbira minn dan il-budget.

Huwa kompla jgħid li l-Oppożizzjoni minflok proposti validi u jixprunaw il-ħaddiem, iniggżuh u jurtawh. Semma kif f’Settembru li għadda, wara mewt naturali, irnexxielhom jinċitaw il-korla tal-kontra kontra dawn l-impjegati.

“Kif ikkonfermat minn inkjesta maġisterjali, ibbażaw stunt fuq qlajjiet minn fake profiles  jew dubjużi fuq is-social media. Strateġija bbażata fuq il-“fake news”… kliem il-Maġistrat dan. Ma tawx każ jew indenaw ruħhom jiċċekkjaw il-fatti,” qal il-Ministru Abela. 

Huwa spjega li matul din is-sena, il-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva kompla għaddej b’diversi riformi u bidliet. Qal li f’dan is-settur, il-bidla għandha tkun motivata biex il-pazjent jinqeda aħjar. 

Huwa tkellem fuq diversi fosthom mediċini u tagħmir fejn il-proċess ta’ procurement huwa vitali. “Għalhekk l-importanza tas-CPSU u l-qabża għandha tkun favur CPSU li jkun qrib il-pazjent, qrib il-kliniku. Għalhekk din l-istruttura li ħadmet tant biex tispiċċa t-trend tal-out of stock, li trijonfat fil-Covid, issa wasal iż-żmien li timmodernizza u tirriforma ħafna aktar.”

Sabiex tingħata aktar awtonomija lill-polyclinics il-kbar, se jkun qed isir investiment f’magni tal-ECG moderni li jikkomunikaw direttament mal-ispeċjalisti tal-qalb f’Mater Dei. Se jinvestu wkoll f’tagħmir għar-riżultati tad-demm, hemm imsejħa point of care, sabiex it-tobba jkollhom stampa ċara u eżatta ta’ x’qed jiġrilu l-pazjent u fejn l-aħjar li jirċievi l-kura. 

“Il-viżjoni fit-tul hija li flok tliet polyclincs li jaħdmu 24 siegħa kuljum f’Malta, ikollna ħamsa. Imma dann huwa proċess li jirrikjedi ‘l fuq minn 70 tobba addizzjonali. Qed nitkellmu fuq medda ta’ tliet snin,” kompla jispjega l-Ministru Abela.

Huwa rringrazzja wkoll lill-Presidenza u lill-Malta Community Chest Fund Foundation tax-xogħol sabiħ tagħhom. “Ninsab ċert, li forsi ftit jafu li…għall-medicini tal-kanċer li għadhom mhux fuq il-formularju tal-Gvern, il-Ministeru tagħna jħallas lill-Community Chest Fund miljuni kbar fis-sena. Sbatax il-miljun ewro fl-2023, €22 miljun din is-sena, li sal-aħħar tas-sena jafu jiżdiedu b’ħames miljuni oħra. 

“Għal din ir-raguni, nista’ llum inħabbar li l-Presidenza u l-Ministeru qegħdin f’diskussjonijiet avvanzati sabiex din il-funzjoni tal-Community Chest Fund tgħaddi f’idejn il-Ministeru matul is-sena li ġejja,” qal il-Ministru Abela. 

Fil-kontroll tad-dijebete, il-Ministru Abela qal li f’nofs is-sena ġie estiż is-servizz tal-continuous blood glucose monitoring, fid-dijabetiċi tip wieħed fil-faxxa ta’ età 35 sa 45, kif imwiegħed is-sena li għadddiet. Iżda dan mhux biss. Żdiedet l-eleġibilità lil nisa bid-dijabete tat-tqala u persuni bid-dijabete wara kirurġija fuq il-frixa. Wara ftit xhur żdiedet il-faxxa t’età.

“Sur President, issa…hawn quddiemek ha ntenni li sa għeluq din is-sena, 2024…se nkunu estendejna dan is-servizz għal kull pazjent dijabetiku tat-tip 1, hi x’inhi l-età tiegħu jew tagħha. Mhux talli wettaqna li wegħedna imma għaddejnieh għal darba darbtejn sabiex issa se jibbenefikaw elf u hames mitt persuna bi spiża ta’ seba’ miljun ewro li se titla’ għal 10 miljun ewro s-sena li gejja. Nikkonferma li qed naħdmu fuq ukoll fuq l-insulin pumps għal din is-sena, fl-età sat-tmintax il-sena. 

Dwar it-tfal, għal qalb dan il-Gvern huwa r-rinovar u l-attrezzar tal-ART Clinic għall-IVF f’Mater Dei. Proġett ta’ tliet miljun ewro li jitlesta f’Jannar li ġej. Dan ir-rinovar kien possibbli biss permezz ta’ outsourcing fil-privat biex is-servizz ma jiqafx fil-frattemp.

“Qed nitkellmu dwar servizz offrut lil madwar 600 koppja. Nista’ nħabbar uffiċjalment li r-rata ta’ suċċess f’termini ta’ tqala, laħaq 66.7 fil-mija. Din figura rekord ghal pajjiżna, li tiżboq bosta rati ta’ suċċess fl-Ewropa. Inzid li matul din is-sena tajna rifużjoni ta’ ’l fuq minn miljun ewro lill-koppji li kienu xtraw medicini tal-IVF fil-passat.”

Dwar il-Paola Hub, il-Minisru Abela qal ukoll li waslu biex jagħtu konfort lil kuntratturi żgħar sabiex jaħdmu magħhom biex jikkummissjonaw dan il-post u jibdew joffru servizz malajr kemm jista’ jkun.

Ekonomija

Sport