Saturday, November 23, 2024

Iċ-ċentru ta’ San Ġwann jinbidel fi spazju miftuħ u sostenibbli

Aqra wkoll

It-trasformazzjoni taċ-ċentru ta’ San Ġwann, b’ġonna u żoni ta’ rikreazzjoni jieħdu post triq arterjali traffikuża, se tagħti ħajja ġdida lill-ħajja ta’ kuljum ta’ madwar 6,000 familja f’din il-lokalità.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul ħabbru d-dettalji ta’ dan il-proġett nhar l-Erbgħa, hekk kif il-pjanijiet ta’ dan il-proġett ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-konsiderazzjoni tagħha. Fil-preżenza tas-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech, Project Green ippreżentat l-pjanijiet tal-proġett proposti wara xhur ta’ impenn komunitarju, b’attivitajiet ta’ konsultazzjoni li jinvolvu tfal, residenti, anzjani, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, organizzazzjonijiet lokali u negozji taż-żona, fost partijiet interessati oħra.

B’din it-t-trasformazzjoni estensiva, Project Green qed tipproponi li Vjal ir-Rihan, triq arterjali f’San Ġwann u parkeġġ tal-karozzi biswit din it-triq, tinbidel fi spazju miftuħ ta’ 7,200 metru kwadru għall-komunità. Dan il-proġett se jikkonsisti ukoll fi ġnien akwatiku, bandli, teatru miftuħ, żona komunitarja u żoni rikreattivi oħra, mdawwrin b’aktar minn 350 siġra ġdida addizzjonali.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li permezz ta’ dan il-proġett il-Gvern qed jinkoraġġixxi lill-familji San Ġwann biex iħaddnu din it-transizzjoni ambjentali aktar sostenibbli. “Qed niddefinixxu mill-ġdid il-pajsaġġi urbani tagħna, noħolqu ambjent aktar ekoloġiku, aktar aċċessibbli u rikreattiv għall-ġenerazzjonijiet t’issa u dawk futuri. Irridu stili ta’ ħajja aħjar, aktar b’saħħithom u aktar sostenibbli għall-familji tagħna, li nintroduċu mill-ġdid in-natura fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna, b’infrastruttura ekoloġika ġdida li tinkoraġixxi mobilità sostenibbli u komunitajiet aktar b’saħħithom”.

Dan il-park ġdid quddiem il-knisja parrokkjali, l-iskola u żoni oħra importanti tal-komunità, se jsir l-akbar spazju aħdar fiż-żona urbana ta’ San Ġwann, żiedet tgħid Miriam Dalli.

Il-proġett se jtejjeb ukoll l-aċċessibbiltà u l-mobbiltà sostenibbli tal-lokalità, billi jtejjeb l-infrastruttura ta’ din it-triq arterjali traffikuża u jintroduċi żoni pedonali u korsiji ddedikati għar-roti. Il-parkeġġ il-ġdid taħt l-art se jirdoppja l-ammont ta’ parkeġġ attwali fil-livell tat-triq, biex tiġi żgurata aktar aċċessibbiltà.

Steve Ellul, Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, esprima l-entużjażmu tiegħu għal dan il-proġett trasformattiv, u qal, li “dan l-ispazju miftuħ se jkun qed iservi bħala pulmun aħdar u huwa aċċessibli f’inqas minn 10 minuti mixi għall-13,000 resident, li huwa 90% tan-nies li jgħixu f’San Ġwann. Qegħdin naħdmu biex nipprovdu spazju ta’ rikreazzjoni li jkun aċċessibbli, u neliminaw il-ħtieġa li tuża karozza biex nilħqu spazju miftuħ”.

Project Green għandu l-għan li joħloq spazju aħdar li jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja ta’ din il-komunità u l-madwar, u li jagħti eżempju brillanti ta’ żvilupp urban sostenibbli, li se jkun segwit f’lokalitajiet oħra madwar il-pajjiż, qal Ellul.

Sport