Minkejja li fis-sigħat li ġejjin pajjiżna se jkun qiegħed jintlaqat minn maltemp, iċ-ċiklun li issa ilu jiem jissemma, iċ-ċentru tiegħu qatt mhu se jkun viċin tagħna u mill-baħar Ionju se jibqa’ niżel lejn il-belt Libjana ta’ Benghazi.
Dan it-tbassir qiegħed issir minn Gordon Grech li jmexxi s-sit Aġġornament tat-Temp li hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa persuni li jbassru t-temp. L-istess previżjoni qiegħda tkun anke mbassra fil-belt ta’ Benghazi hekk kif qegħdin ibassru ħafna xita fl-inħawi.
Is-sit Aġġornament tat-Temp ikompli jgħid li sħab minn din is-sistema ta’ maltemp se jinqata minn maċ-ċiklun u anke parti minn dan il-front se jmissna. B’hekk se tifforma sistema ta’ maltemp fil-jiem li ġejin u li se tolqot in-naħa t’isfel tal-Italja u anke Malta.
Però Grech jerġa’ jkun ċar ħafna li ċ-ċentru ta’ dan il-Maltemp mhu se jibqa’ miexi lejn Pantellerija jew jibqa’ tiela’ lejn Sqallija.
Allura x’aħna nistennew bħala temp? Wara l-11.00pm illejla se nibdew naraw l-ewwel effett ta’ dan spjegat aktar ‘il fuq.
Tul dan il-lejl li ġej se naraw l-ewwel beraq fil-Grigal. Il-posibbilita ta’ xita fil-lejl li ġej hu ta’ 60%. Matul il-jum mistenni jibqa’ imsaħħab iżda l-possibilità tax-xita titla’ għal 80%. Waara 2.00pm ir-riħ mill-Grigal jitqawwa b’buffuri ta’ Forza 6.
Il-Ħamis hemm posibbilità ta’ xita ta’ 80%, però mhux indikata xita qawwija. Ir-riħ se jkun forza 5 għal 6 mill-Grigal. Hemm indikazzjonijiet li x-xita se tippersisti għalkemm wara l-5.00pm jista’ jaqleb għal aħjar.
Gordon Grech itemm il-messaġġ tiegħu billi jgħid li dan it-tbassir tat-temp bħala xita huwa indikazzjoni ta’ dak li mistenni jiġri. L-unika ħaġa ċerta hi li l-qofol tal-meltemp mhux se jmissna, u mhux se jibqa’ dieħel iċ-ċentru tal-maltemp fiċ-ċentru tal-Mediterran.