Iċ-Ċentru tal-Endoskopija fl-Isptar Mater Dei ġie rikonoxxut mis-Soċjetà Endoskopika tal-Ewropa (ESGE) għal Capsule Endoscopy, li hija proċedura avvanzata mhux invażiva. Permezz ta’ kapsula li tinbela’, numru vast ta’ ritratti tal-intern tal-imsaren isir f’qasir żmien mingħajr loppju jew uġigħ. Din il-proċedura tgħin pazjenti li għandhom bżonn dijanjosi għal emorraġija fil-musrana ż-żgħira.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal kif din il-proċedura tgħin biex pazjent jiġi eżaminat filwaqt li jkompli bir-rutina tiegħu. Spjega kif pazjent imur filgħodu għall-appuntament, jibla’ l-kapsula u permezz ta’ apparat żgħir imwaħħal miegħu, l-eżami intern jiġi rrekordjat.
Il-Ministru Abela kompla jispjega li din it-tip ta’ kapsula tintuża meta jkun hemm suspett li pazjent qed ibati minn patoloġiji fil-musrana ż-żgħira bħal problemi ta’ demm baxx. Semma kif din il-proċedura toffri l-aktar riżultati dettaljati u siguri għall-pazjent.
“Minn qalbi nifraħ lill-professjonisti bravi tagħna għal dan iċ-ċertifikat ta’ eċċellenza li hu ta’ sodisfazzjon kbir. L-introduzzjoni riċenti tad-Dipartiment tal-Gastroenteroloġija u l-Immunoloġija saret bi ħsieb u ħa tkun qed tħalli l-frott ta’ din il-ħidma”, temm jgħid Dr Abela.