Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Borża ta’ Malta (MSE) Joseph Portelli ġie maħtur Chairman tal-Kumitat tal-Governanza u n-Nominazzjonijiet fi ħdan il-World Federation of Exchanges (WFE). Il-WFE hija l-assoċjazzjoni kummerċjali dinjija ta’ skambju ta’ stokks, futures u options exchanges f’suq regolat, kif ukoll kontropartijiet ċentrali (CCPs).
In-nomina tas-Sur Portelli biex jippresjedi dan il-kumitat hija ta’ prestiġju, kemm għall-MSE kif ukoll għal Malta. Dan aktar u aktar fil-kuntest attwali tas-suq tas-servizzi finanzjarji li fih Malta qed tistabbilixxi ruħha bħala xempju brillanti fuq livell internazzjonali.
Is-Sur Portelli ilu jservi bħala Chairman Eżekuttiv tal-MSE mill-2015 u għandu aktar minn 38 sena esperjenza fi ħdan l-industrija finanzjarja fl-Istati Uniti u f’Malta fejn kien impjegat f’diversi rwoli. Kien ukoll uffiċjal kap tal-investiment u direttur maniġerjali ta’ FMG Funds li tispeċjalizza fis-swieq emerġenti.
Minbarra r-rwol tiegħu bħala Chairman Eżekuttiv tal-MSE, huwa jagħmel ukoll parti mill-Kumitat tal-Verifika tal-istess entita`. Mill-ħatra tiegħu fl-2015, huwa waqqaf u jippresjedi diversi entitajiet sussidjarji tal-MSE fosthom il-Malta Stock Exchange Institute (MSEI). Is-Sur Portelli kien ukoll visiting lecturer fl-Università ta’ Malta u ta korsijiet fil-Malta Institute of Accounting u istituzzjonijiet oħra. Fir-rwol il-ġdid tiegħu, is-Sur Portelli se jissorvelja elezzjonijiet u jagħti pariri lill-Bord dwar kwistjonijiet ta’ governanza.
Is-Sur Portelli ikkummenta: “Hu ta’ unur kemm għalija kif ukoll għall-Borża ta’ Malta li nkunu assoċjati ma’ organizzazzjoni tant prestiġjuża bħall-WFE. Din il-ħatra turi li minkejja d-daqs tagħha, Malta hija ċentru ta’ servizzi finanzjarji b’saħħtu u ta’ reputazzjoni tajba, u bi stock exchange vibranti fil-qalba tagħha.”
Il-WFE għandha aktar minn 70 membru inkluż l-MSE. L-operaturi tas-suq tagħha huma responsabbli biex joperaw il-komponenti ewlenin tad-dinja finanzjarja. L-assoċjazzjoni twaqqfet fl-1961 u hija bbażata f’Londra, l-Ingilterra.
Il-WFE tilqa’ fi ħdana membri magħrufa u importanti bħal-London Stock Exchange Group, Deutsche Börse SE, Luxembourg Stock Exchange, Abu Dhabi Securities Exchange, Cyprus Stock Exchange u Shanghai Futures Exchange, fost ħafna oħrajn.