Saturday, July 20, 2024

Iċ-Chairperson tal-OSCE, il-Ministru Ian Borg, jindirizza t-tieni laqgħa ta’ tħejjija għall-Forum Ekonomiku u Ambjentali tal-OSCE

Aqra wkoll

“Hekk kif qed naraw b’għajnejna bidliet fil-klima, ix-xjenza qed tagħtina twissijiet, u aħna li qegħdin fit-tmexxija u fit-tfassil tal-politika jeħtieġ nieħdu dawn il-messaġġi b’serjetà u responsabbiltà. L-ebda pajjiż m’għandu immunità mit-tibdil fil-klima.”

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u ċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg saħaq dwar l-importanza ta’ kollaborazzjoni multilaterali biex niġġieldu l-impatti tat-tibdil fil-klima waqt id-diskors tal-ftuħ tiegħu fit-tieni laqgħa ta’ tħejjija tal-31 Forum Ekonomiku u Ambjentali tal-OSCE, li saret f’San Ġiljan.

“Din hija ħidma kollettiva li teħtieġ l-impenn tagħna flimkien b’rieda tajba, b’attenzjoni fuq l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-istabbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali, li jistgħu jipperikolaw l-iżvilupp sostenibbli, u għalhekk, jolqtu ħażin ukoll is-sigurtà u l-istabbiltà fiż-żona tal-OSCE,” qal iċ-chairperson.

Il-konferenza tal-Ħamis f’Malta ġabet flimkien delegazzjonijiet mis-57 stat parteċipant fl-OSCE, sabiex twitti t-triq għal-laqgħa finali tal-Forum Ekonomiku u Ambjentali tal-OSCE, li se ssir f’Settembru fi Praga.

Il-Forum bħala tema għandu “Insaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun tal-OSCE permezz tal-innovazzjoni diġitali, sabiex nikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u l-adattament klimatiku”. Din hija l-ewwel darba f’dawn l-aħħar tliet snin li dan il-forum qed isir b’aġenda approvata, wara li l-Presidenza Maltija tal-OSCE rnexxielha tikseb kunsens bejn is-57 stati parteċipanti tal-OSCE kollha.

B’referenza għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna, il-Ministru Borg qal li, “Lil hinn mit-tifrik immedjat fuq l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà, din il-gwerra qed ittellifna wkoll milli nindirizzaw l-aktar theddid ambjentali u ekonomiċi li għandna quddiemna, fosthom it-tibdil fil-klima”.

Iċ-Chairperson tal-OSCE fakkar ukoll li bħala stat gżira żgħir fil-Mediterran, wieħed mill-aktar reġjuni vulnerabbli għall-klima, Malta għandha esperjenza dwar diversi impatti ambjentali, li ħafna minnhom huma kkawżati mit-tibdil fil-klima u jinħassu wkoll minn żoni oħra tal-OSCE.

F’dan ir-rigward, il-Presidenza ta’ Malta tal-OSCE għażlet it-tibdil fil-klima bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha għall-2024, sabiex issaħħaħ il-ħidma fost din l-organizzazzjoni u l-istati parteċipanti tagħha sabiex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi biex jindirizzaw din l-isfida.

“Huwa obbligu morali u legali ta’ kulħadd li flimkien nikkontribwixxu għal futur sostenibbli,” temm jgħid il-Ministru Borg.

Il-Forum Ekonomiku u Ambjentali għandu l-għan li jidentifika l-prijoritajiet u jżid aktar għarfien li jwassal biex is-57 stati parteċipanti tal-OSCE jkomplu jindirizzaw sfidi ekonomiċi, ambjentali u ta’ sigurtà, filwaqt li jipprovdi pjattaforma ta’ djalogu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-komunitajiet tan-negozju, mal-akkademiċi u s-soċjetà ċivili.

Malta bdiet it-12-il xahar ta’ presidenza tal-OSCE f’Jannar taħt it-tema, “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.

Ekonomija

Sport