Hamrun Spartans ……3
Zabbar St Patrick …….1
Minn Cristian Muscat
Iċ-champions Hamrun Spartans bdew id-difiża tat-titlu b’rebħa ta’ 3-1 fuq it-team promoss ta’ Zabbar St Patrick li kienu sfida denja matul il-partita kollha.
B’din il-wirja, l-Ispartans taw indikazzjoni li se jerġgħu jkunu dak it-team li kulħadd irid jirbaħ.
Huma ħolqu l-ewwel periklu wara biss erba’ minuti iżda minn pożizzjoni tajba Raphael Lopes Da Silva xeħet barra.
Mal-ħin, l-Ispartans kienu territorjalment l-aħjar team fejn Ryan Camenzuli u Talison resqu viċin.
Iżda il-31 minuta, huma resqu ferm viċin hekk kif il-cross ta’ Talison ħabat mal-mimduda.
Sitt minuti wara, Hamrun fetħu l-iskor meta Roko Prsa, għadda tajjeb lejn RAPHAEL LOPES SILVA li permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa għeleb lill-goalkeeper Matthew Grech.
Fil-45 minuta, Hamrun kienu għoddhom irduppjaw l-iskor meta Lopes Silva llobja l-ballun minn fuq Grech li ġie salvat minn Dorde Jovicic minn fuq il-linja fatali.
Fis-56 minuta, Zabbar tilfu cans tad-deheb li jiksbu d-draw meta Zachary Brincat, kellu xutt destinat għal ġewwa iżda ħabat ma’ sieħbu stess Marcelo Barros Santos.
Madankollu, fit-73 minuta huma għamlu l-iskor indaqs meta minn azzjoni ta’ corner ieħor, DAVID OLIVEIRA SOUZA kellu d-daqqa ta’ ras b’saħħitha taħbat mal-mimduda u tispiċċa fix-xibka.
Peró, fid-79 minuta, l-Ispartans reġgħu marru fil-vantaġġ meta Camenzuli xeħet cross mil-lemin li sab lil JOSEPH ESSIEN MBONG li permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Fit-88 minuta, huma ngħataw penalty meta Sean Gatt waqqa’ lil Ederson Bruno Domingos fil-kaxxa.
Mill-11-il metru, l-aqwa skorer tal-istaġun li għadda, LUKE MONTEBELLO, issiġilla r-rebħa hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.