Iċ-champions il-ġodda tal-VMFA Hyundai Premier League MFPA għalqu l-impenji tagħhom għal dan l-istaġun bl-aqwa mod possibbli meta fl-aħħar ġurnata għelbu lil Żurrieq Wolves 6-3.
Il-Malta Football Players Association ma sabuhiex faċli għal tliet kwarti tal-logħba hekk kif Żurrieq żammew il-pass magħhom minkejja d-differenza fil-klassifika.
Minkejja kollox, l-esperjenza tagħhom sarrfet fi tliet gowls finali li tawhom it-tliet punti finali.
Stephen Wellman skorja doppjetta filwaqt li Jonathan Bondin, Thomas Paris, Alexander Ribic u Roderick Bajada kienu wkoll awturi tal-gowls l-oħra.
Żurrieq skorjaw grazzi għal Nicolai D’Amato, Mario Camilleri u Jurgen Mifsud.
Fi tmiem il-konfront, il-viċi-president ta’ VMFA Stephen Wellman ippreżenta t-tazza lil Branko Nisevic fost il-ferħ tal-plejers tal-MFPA.
F’logħba oħra li kellna, Birkirkara St Helen’s temmew il-kampjonat fit-tielet post tal-klassifika wara għalkemm sabuha diffiċli biex jegħlbu lil Rabat Veterans 6-4.
Kif jindika l-iskor kienet logħba movimentata ħafna bl-attakkanti rispettivi li ħadu vantaġġ minn xi żbalji difensivi.
Claudio Calleja kien il-protagonista tal-Karkariżi hekk kif skorja poker filwaqt li Glenn Bonello kien awtur ta’ doppjetta.
Ir-Rabtin baqgħu fil-logħba fejn is-solitu Adam Smeir skorja tripletta bi Christian Muscat li żied ieħor għat-tim tiegħu.
Sadanittant Alex Muscat ta’ Gżira United spiċċa bħala l-aqwa skorer b’26 gowl segwit minn Adam Smeir ta’ Rabat bi 22 gowl u Claudio Calleja ta’ Birkirkara St Helen’s bi 22.
KLASSIFIKA FINALI – VMFA Hyundai Premier League
MFPA 37, Gżira United 27, Birkirkara St Helen’s 25, Żejtun Red Stars, Rabat Veterans 20, Pieta’ Hotspurs 16, Luxol 11, Żurrieq Wolves 6