Wednesday, June 11, 2025

Iċ-Chief Operations tal-BOV iżur il-Laboratorji ta’ Prevarti biex jara x-xogħlijiet ta’ konservazzjoni

Aqra wkoll

Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta, żar il-laboratorji ta’ Prevarti fejn segwa l-aħħar stadji ta’ konservazzjoni fuq żewġ opri tal-arti tal-artist ċelebri Malti Gianni Vella. Il-pitturi — San Ġwann Jgħammed lil Kristu fix-Xmara Ġordan u Abraham Iqim it-Tliet Viżitaturi Anġeliċi — huma l-aħħar minn sensiela ta’ erba’ xogħlijiet ta’ restawr li l-Bank qed jappoġġja permezz tal-programm tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (CSR) tiegħu. Dawn il-kwadri mistennija lura fil-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa hekk kif jitlestew.

Dan il-proġett ta’ konservazzjoni jifforma parti mill-impenn tal-Bank of Valletta li jħares il-wirt kulturali u artistiku ta’ Malta. F’Awwissu 2024, l-ewwel żewġ pitturi — Alla Jagħti n-Nifs tal-Ħajja lil Adam u Jintbagħtu l-Ewwel Appostli — ġew restawrati u installati mill-ġdid b’suċċess fil-parroċċa tal-Marsa, biex jitgawdew mill-komunità lokali.

Il-Bank of Valletta jkompli jpoġġi l-kultura fil-qalba tal-istrateġija tas-CSR tiegħu, filwaqt li jappoġġja proġetti li jagħmlu unur lill-passat filwaqt li jarrikkixxu l-komunitajiet fil-preżent. “Dawn ix-xogħlijiet huma aktar minn teżori artistiċi — huma parti mill-memorja u l-identità kollettiva tagħna,” qal Ernest Agius. “Il-Bank of Valletta huwa kburi li kellu sehem importanti biex dawn il-pitturi jerġgħu jingħataw il-ħajja u jarahom lura fil-komunità tal-Marsa. Dan il-proġett huwa eżempju tanġibbli ta’ kif is-setturi pubbliċi u privati jistgħu jingħaqdu flimkien biex iħarsu dak li hu l-aktar importanti għall-wirt ta’ pajjiżna.”

Immexxi minn Pierre Bugeja, fundatur u konservatur fil-laboratorji ta’ Prevarti, it-tim tar-restawr wettaq tindif delikat biex ineħħi saffi ta’ verniċ u żebgħa żejda li kienu qed jaħbu l-kuluri oriġinali u dettalji aktar fini. Kien hemm bżonn ukoll ta’ xogħol strutturali fuq iż-żewġ tili, li kienu ġarrbu ħsarat maż-żmenijiet, kif ukoll minn interventi preċedenti. Matul dan il-proċess, ġew żvelati u kkonsolidati t-tonalitajiet rikki tal-kulur, u l-ħjut dehbi, b’rispett sħiħ lejn l-integrità tal-kompożizzjoni oriġinali ta’ Vella.

“Ir-restawr tal-arti ta’ dan il-kalibru huwa bilanċ delikat bejn ix-xjenza u r-ruħ,” spjega Pierre Bugeja. “Bl-appoġġ tal-Bank of Valletta, qed nippreservaw il-legat ta’ Gianni Vella u naraw dawn l-opri tal-arti jerġgħu lura għall-ispazju sagru li oriġinarjament kienu maħsuba għalih. Ladarba jerġgħu jitwaħħlu, l-erba’ pitturi ta’ Gianni Vella se jerġgħu jżejnu l-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport