Iċ-ċiklist tal-Mountain Bike Malti Stephen Grima, mill-klabb Għawdxi D Sports Lab u li kkompeta għal Tofit, ta’ prestazzjoni b’saħħitha sabiex kiseb post fuq il-podju fil-Wild Bear MTB Stage Race fis-Serbja.
Il-Wild Bear MTB Stage Race, li tinsab fir-raba edizzjoni tagħha, offriet sfida tajba mifruxa fuq rotta ta’163 kilometru ta’ terren tekniku u tlajja ta’ 5,100 metru mifruxa fuq tlett ijiem fil-ġmiel fit-Tara National Park.
It-tellieqa attirat parteċipazzjoni internazzjonali tajba, b’atleti minn kważi 20 pajjiż differenti. Il-kundizzjonijiet kienu varji – minn xita qawwija u tajn fl-Ewwel Stadju (56 km, 1,500 m ta’tlajja), għall-hekk imsejħa “queen stage” (60 km, 2,000 m ta’tlajja) fit-Tieni Stadju. It Tielet Stadju għalqet b’distanza ta’ 47 km u tela ta’ 1,600 m.
Grima temm waħda mill-aktar tiġrijiet ta’ stadji diffiċli fl-Ewropa flimkien maċ-ċiklista Kroat Relvis Glavis. It-tnejn spiċċaw fit-tielet post fil-klassifika tal-Masters 50+ u fil-ħdax-il post fil-klassifika ġenerali li kienet mgħamula minn 35 tim.
Għal Grima, dan ir-riżultat enfasizza l-preżenza tiegħu fix-xena internazzjonali tal-Mountain Bike. Aktar kmieni din is-sena, hu u Glavis tellqu flimkien fil-Andorra Epic 2024, fejn spiċċaw fis-seba’ post fil-kategorija tagħhom u fis-59 post minn 230 tim. Id-duo ħadu sehem ukoll fl-Absa Cape Epic 2024, għalkemm ma’ċiklisti differenti, u b’hekk ikkonsolidaw l-esperjenza tagħhom f’waħda mit-tiġrijiet tal-mountain bike bl-istadji l-aktar diffiċli fid-dinja.
“Li nikkompeti fil-Tara National Park kienet esperjenza inkredibbli,” qal Stephen Grima. “It-telgħat ma kienux jieqfu. Dan il-vjaġġ ma’ Relvis fejn ksiba podju fost kamp ta’ parteċipanti daqshekk b’saħħtu jagħmilha riżultat speċjali ħafna għalija u għal Malta.”