Iċ-ċiklun Chido qatel 94 persuna fil-Mozambique minn meta ħakem dan il-pajjiż fil-jiem li għaddew.
L-Istitut Nazzjonali tal-Ġestjoni tar-Riskju u tad-Diżastri (INGD) tal-Mozambique qal li 768 persuna ndarbu u aktar minn 622,000 persuna ġew affettwati b’xi mod minn dan id-diżastru naturali.
Chido laqat il-Mozambique fil-15 ta’ Diċembru b’riħ ta’ 260 km/h (160mph) filwaqt li ġew imkejla 250mm ta’ xita fl-ewwel 24 siegħa.
L-istess ċiklun kien għamel ħerba sħiħa fit-territorju ta’ Mayotte, qabel mexa lejn il-Mozambique, il-Malawi u ż-Żimbabwe.
Fil-Mozambique, il-maltempata laqtet provinċji tat-Tramuntana li huma regolarment affettwati miċ-ċikluni.
L-INGD qal li ċ-ċiklun kellu impatt fuq is-settur tal-edukazzjoni u s-saħħa. Aktar minn 109,793 student ġew affettwati hekk kif saret ħsara kbira fuq l-infrastruttura tal-iskejjel.
Daniel Chapo, mexxej tal-partit fil-gvern tal-Mozambiqu, qal lill-midja lokali li l-gvern qed jimmobilizza appoġġ fuq “il-livelli kollha” b’rispons għaċ-ċiklun.
Meta tkellem waqt żjara f’Cabo Delgado nhar il-Ħadd, waħda mill-aktar żoni milquta ħażin miċ-ċiklun, Chapo qal li l-gvern qed jaħdem flimkien mal-INGD biex jiżgura li dawk affettwati fil-provinċji ta’ Mecúfi, Nampula, Memba u Niassa jkunu jistgħu jerġgħu lura fuq saqajhom.