Friday, January 30, 2026

Iċ-ċiklun Harry bi ħsara li aktarx taqbeż l-€10 miljuni

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-maltempata Harry li laqtgħet lil pajjiżna l-ġimgħa l-oħra kkawżat ħsarat u inkonvenjent lilna lkoll. Bejn tfal ma jmorrux skola, ħaddiema li setgħu jaħdmu mid-dar u miżuri ta’ prevenzjoni, il-pubbliku baqa’ siguri u ġew evitati konsegwenzi li setgħu jkunu gravi. Iżda, dan ma jfissirx li ma kienx hemm setturi li ntlaqtu ħażin minn dan it-temp estrem u wieħed minn dawn kienet l-industrija tal-akkwakultura lokali. 

Fil-fatt, hekk kif ikkonferma ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akkwakultura Maltin (FMAP), Charlon Gouder, l-impatt fuq din l-industrija huwa sinifikanti bl-indikazzjonijiet preliminari jissuġerixxu li l-ispiża totali tista’ potenzjalment taqbeż l-€10 miljun.

“Ċifri li potenzjalment jaqbżu €10 miljuni” 

F’intervista maċ-Chairman Eżekuttiv tal-FMAP, Charlon Gouder L-ORIZZONT ta’ ħarsa lejn il-ħsarat li ġarrbu l-fishfarms wara l-maltempata Harry. Dan il-konsulent infurmana li din affettwat diversi siti ta’ akkwakultura madwar Malta bi ħsarat li jvarjaw minn sit għal ieħor skont l-espożizzjoni u l-kundizzjonijiet lokali. Spjega li l-impatti osservati s’issa jinkludu ħsarat fl-infrastruttura tal-farms, bħaċ-ċnut, ix-xbiek u s-sistemi ta’ rbit, kif ukoll każijiet ta’ telf ta’ ħut.

Għaddejjin studji tekniċi taħt il-baħar

“Għandu jiġi enfasizzat li bħalissa għaddejjin stħarriġ u spezzjonijiet tekniċi dettaljati, inkluż taħt il-baħar, biex tiġi stabbilita stampa preċiża tal-ħsara. Dawn il-proċessi jieħdu ż-żmien meħtieġ biex isiru b’mod komplet u għalhekk kwalunkwe stima f’dan l-istadju għandha titqies bħala preliminari. Però, jidher li l-ħsara hija fil-miljuni”.

Mistoqsi x’kien l-impatt fuq l-industrija lokali tal-akkwakultura, Gouder qal li, “l-impatt fuq l-industrija jista’ jiġi deskritt bħala sinifikanti, kemm f’termini operattivi kif ukoll ekonomiċi. Minbarra l-ispejjeż immedjati ta’ tiswijiet u interventi ta’ emerġenza, qegħdin jiġu osservati wkoll effetti indiretti, bħall-ħtieġa ta’ spezzjonijiet addizzjonali, posponiment ta’ operazzjonijiet ippjanati u pressjoni fuq ir-riżorsi tekniċi u loġistiċi.

Żied li, “f’dan l-istadju bikri, l-indikazzjonijiet preliminari jissuġġerixxu li l-ispiża totali tas-settur tista’ tkun sostanzjali, b’ċifri li potenzjalment jaqbżu l-€10 miljun”. Enfasizza li madankollu, iċ-ċifri finali jistgħu jiġu kkonfermati biss wara li jitlestew l-istħarriġ kollha u l-valutazzjonijiet tekniċi u finanzjarji meħtieġa.

Opportunità ta’ riflessjoni u titjib

Fid-dawl ta’ possibbiltà li l-maltemp estrem jista’ jiżdied minħabba l-bidla fil-klima, staqsejnih x’jistgħu jitgħallmu l-operaturi u l-awtoritajiet minn din l-esperjenza biex inkunu aktar ippreparati fil-futur. Min-naħa tiegħu Gouder jemmen li kull avveniment ta’ din in-natura joffri opportunità ta’ riflessjoni u titjib. Spjega kif il-maltempata Harry saħħet l-importanza ta’ sistemi robusti ta’ prevenzjoni u monitoraġġ, manutenzjoni kontinwa tal-infrastruttura u l-ħtieġa ta’ pjanijiet ta’ emerġenza li jkunu regolarment riveduti u ttestjati.

“Fl-istess ħin, l-esperjenza tenfasizza l-valur ta’ koordinazzjoni tajba bejn l-operaturi, il-kuntratturi tekniċi u l-awtoritajiet relevanti biex ir-rispons ikun rapidu u effettiv. Dawn il-lezzjonijiet se jikkontribwixxu għal diskussjonijiet futuri dwar kif is-settur jista’ jkompli jsaħħaħ ir-reżiljenza tiegħu quddiem avvenimenti klimatiċi dejjem aktar estremi, li jinkludu l-identifikazzjoni ta’ siti fejn jistaw isiru tiswijiet neċessarji.,” temm iċ-Chairman Eżekuttiv tal-FMAP, Charlon Gouder.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport