Thursday, April 2, 2026

Iċ-Ċina qed tipprova tkun medjatur għall-paċi fil-gwerra tal-Iran

Aqra wkoll

Filwaqt li l-gwerra fil-Lvant Nofsani daħlet fit-tieni xahar tagħha u qed toħnoq il-provvista tal-enerġija tad-dinja bil-konsegwenza li qed tgħolli l-prezzijiet taż-żejt u l-gass, iċ-Ċina qed tipprova tintervjeni bħala medjatur tal-paċi f’din il-gwerra.

Dan qed jiġri hekk kif il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qed jgħid li l-azzjoni militari tal-Istati Uniti kontra l-Iran tista’ tintemm fi żmien “ġimagħtejn jew tliet ġimgħat”, iżda għad m’hemm l-ebda idea ċara kif dan se jiġri jew x’jiġri wara.

Iċ-Ċina ingħaqdet mal-Pakistan, li espona ruħu bħala medjatur improbabbli fil-gwerra kontra l-Iran. F’dan il-kuntest uffiċjali Ċiniżi u Pakistani ippreżentaw pjan ta’ ħames punti bil-għan li jġibu waqfien mill-ġlied li jwassal biex jerġa jinfetaħ l-Istrett vitali ta’ Hormuz.

Il-Pakistan, li kien alleat tal-Istati Uniti fil-passat, jidher li rnexxielu jikkonvinċi biex jimmedja dan il-kunflitt. Madankollu, iċ-Ċina qed tidħol fil-proċess bħala rivali ta’ Washington, u qabel taħditiet kummerċjali kruċjali bejn il-President Ċiniż Xi Jinping u Donald Trump ix-xahar id-dieħel.

Moralment, politikament u diplomatikament, iċ-Ċina qed tipprovdi appoġġ komprensiv bit-tama li l-Pakistan jista’ jkollu rwol aktar distintiv. Dan huwa bidla għal Beijing, li r-rispons uffiċjali tagħha għall-gwerra s’issa kien pjuttost sieket. 

Il-pjan ta’ paċi tfassal wara li l-ministru tal-affarijiet barranin tal-Pakistan mar lejn Beijing biex jitlob l-appoġġ Ċiniż għall-isforzi ta pajjiżu biex jinnegozja tmiem għal dan il-kunflitt. L-isforzi tiegħu jidhru li ħadmu. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina qal li t-tnejn kienu qed jagħmlu “sforzi ġodda biex jippromwovu l-paċi.” 

Dikjarazzjoni konġunta qalet li d-djalogu u d-diplomazija kienu l-unika għażla vijabbli biex jiġu solvuti l-kunflitti, u appellat biex il-passaġġi tal-baħar, inkluż l-Istrett ta’ Hormuz jiġu protetti.

Beijing x’aktarx iddeċidiet li taqdi r-rwol ta’ medjatur tal-paċi għaliex il-gwerra fl-Iran tipperikola l-interessi tagħha: l-istabbiltà. Iċ-Ċina teħtieġ ekonomija globali stabbli peress li tiddependi ħafna fuq il-bejgħ ta’ oġġetti madwar id-dinja waqt li qed tipprova terġa’ tagħti l-ħajja lil ekonomija domestika li hija batuta. 

L-ispejjeż ta’ prezz ogħla għaż-żejt jaffettwa l-katina tal-provvista kollha, mill-plastik meħtieġ biex isiru l-ġugarelli u l-logħob, sal-materja prima għal drappijiet sintetiċi moderni u l-komponenti li jintużaw fit-telefowns, fil-karozzi elettriċi u fis-semikondutturi.

Rigward dan l-aħħar pjan ta’ paċi, kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-Iran għadhom ma qalu xejn madankollu, it-tmexxija ’l quddiem ta’ din l-inizjattiva tippermetti lil president Ċiniż jilgħab ir-rwol ta’ medjatur newtrali u tal-paċi. Għal darb’oħra wkoll ikun f’kuntrast mal-mexxej tas-superpotenza l-oħra, l-Istati Uniti.

Il-kredibilità taċ-Ċina biex turi lilha nnifisha bħala attur internazzjonali pragmatiku iġġib magħha ħafna mistoqsijiet. L-allinjament mar-Russja konsistentement qanqal twissijiet dwar in-newtralità tagħha. Il-kontroll dejjem jiżdied fuq Hong Kong u t-theddid ripetut tagħha li tieħu lil Taiwan bil-forza jekk ikun meħtieġ għadhom ta tħassib kbir.

Il-mexxejja taċ-Ċina għadhom jevitaw kwalunkwe diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u qatt ma jikkundannaw ir-reġimi għal abbużi tad-drittijiet jew użu ħażin tal-poter. Fuq kollox, iċ-Ċina hija attur globali qawwi mmexxi minn interessi strateġiċi u wriet li għandha xi influwenza fil-Lvant Nofsani, u ċertament għandha ambizzjonijiet li tikseb aktar influwenza fil-futur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport