Sunday, December 22, 2024

Iċ-Ċina tapprova żewġ testijiet sperimentali għal vaċċini kontra l-Covid-19 biex jgħaddu għal testijiet kliniċi

Aqra wkoll

Iċ-Ċina approvat żewġ testijiet ta’ vaċċini sperimentali bil-għan li tilqa’ kontra l-Covid-19, li s’issa ħalla aktar minn 100,000 vittma madwar id-dinja. Din l-aħbar kienet ikkonfermata mill-midja tal-istat, Xinhua, kmieni llum.

Il-vaċċini qed jiġu żviluppati minn kumpanija bbażata Beijng, Sinovac Biotech, u mill-Istitut ta’ Wuhan għal Prodotti Bijoloġiċi.

F’Marzu ċ-Ċina tat l-approvazzjoni tagħha wkoll għal testijiet kliniċi ta’ vaċċin li kien żviluppat mill-kumpanija appoġġjata mill-militar Ċiniż, CanSino Bio. Dawn it-testijiet kliniċi nbdew ftit biss wara li l-kumpanija Amerikana Moderna kienet qalet li bdiet it-testijiet tal-vaċċin tagħha fuq il-bniedem flimkien mal-Istitut Nazzjonali Amerikan għas-Saħħa.

Intant ilbieraħ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li vaċċin effettiv u sigur se jkun meħtieġ biex iwaqqaf l-imxija tal-Covid-19 li s’issa qatel lil aktar minn 114,000 persuna.

“Il-konnessjonijiet li għandna fuq livell dinji jfisser li r-riskju li l-Covid-19 jerġa’ jitfaċċa se jkun qed ikompli,” qal id-Direttur Ġenerali tal-WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus. Huwa emfasizza li fl-aħħar mill-aħħar l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ vaċċin effettiv u sigur huwa meħtieġ biex titwaqqaf l-imxija tal-virus.

Ekonomija

Sport